XAHAR IEĦOR!
Ninsabu xahar biss ‘il bogħod mill-festa ad unur il-patrun ta’ beltna u ta’ gżiritna San Ġorġ Megalmartri. Iva, proprju bħal-lum xahar inkunu lħaqna l-qofol tal-festi kbar li jkunu ilhom għaddejjin għal ġranet sħaħ f’beltna fost ċelebrazzjonijiet liturġiċi; marċi; briju; armar; nar tal-art u tal-ajru u aktar. Għalina l-Ġorġjani, dawn il-jiem ifissru ħafna – u jitfgħu fuqna ċertru responsabilita’ għall-fatt li l-festa ta’ San Ġorġ mhix festa kwalunkwe, imma tibqa’ bħalma dejjem kienet il-festa prinċipali ta’ gżiritna – il-punt ta’ riferiment għall-festi l-oħra kollha tal-gżira – ir-regola tad-deheb tal-festa Għawdxija!
Ix-xogħol li jwassalna għall-festa ma bediex issa, imma ilu għaddej għal xhur sħaħ. Issa f’dawn il-jiem naraw il-frott tal-ħidma kollha li tkun saret fi kwalunkwe settur tal-festa. Nibdew mill-banda, il-qalb tas-Soċjeta’ tagħna, li fil-jiem li ġejjin ser tniedi s-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi għall-festa (CD volum 24), li ġie rrekordjat f’Mejju li għadda fost il-bosta impenji li l-banda jkollha matul is-sena – impenji li nidħlu għalihom bl-akbar serjeta’ – impenji li fl-aħħar mill-aħħar noħorġu minnhom bl-unuri.
Element ieħor huwa l-armar tal-festa li ta’ kull sena fil-festa tagħna qed inkomplu nżidu kemm fil-kwalita’ kif ukoll fil-kwantita’. Fil-fatt it-tqegħid tal-armar madwar it-toroq tagħna diġa’ beda, u bħal kull sena, anke f’din il-festa ser ikollna x-xorti li nżanżnu armar ġdid li dwaru nitkellmu aktar fid-dettall fi ġranet oħra. L-istess nistgħu ngħidu għall-ħruq tan-nar tal-ajru u tal-art li għalih isir ħafna ġbir ta’ flus minn bosta membri fi ħdan is-Soċjeta’ tagħna biex ikunu jistgħu jiġu investiti fi spettaklu singulari kontinwu li jpaxxina matul il-jiem tal-festa.
Bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol fuq il-pubblikazzjoni ewlenija tal-festa, pubblikazzjoni li sena wara sena kompliet tikber fil-kwalita’ u l-preżentazzjoni. Din is-sena wkoll għandna tim tajjeb ta’ persuni fi ħdan is-Soċjeta’ tagħna kkordinati minn Mario Casha li ġabru l-materjal kollu għall-edizzjoni ta’ din is-sena u proprju f’dawn il-ħinijiet għaddejjin bl-aħħar irtokki fuq il-pubblikazzjoni li tkun f’idejna fil-bidu tal-ġimgħa tal-festa.
Dan kollu ma jistax isir mingħajr ir-riżorsi umani li minnhom żgur m’aħniex neqsin, kif ukoll ir-riżorsi finanzjarji li minnhom tant għandna bżonn. Fil-fatt il-ġbir għall-festa diġa’ beda, u minn hawn nagħmlu appell lil kull Ġorġjan u kull partitarju tal-Istilla biex jgħin kemm jista’ ħalli ntaffu l-ħafna spejjeż li s-Soċjeta’ tagħna terfa ta’ kull sena biex torganizza bil-kbir il-festi esterni f’ġieħ il-patrun tagħna San Ġorġ – festi li huma tabilħaqq "l-aktar popolari tal-gżira".