Join Us On:

FESTA  

It-23 ta’ April hija l-ġurnata għażiża li fiha jitfakkar il-Martirju ta’ San Ġorġ bil-qtugħ ir-ras fuq ordni tal-Imperatur ta’ Ruma Djoklezjanu. Huwa l-jum li fih San Ġorġ kiseb ir-rebħa fuq il-ħażen u ngħata l-palma u l-kuruna tal-glorja għall-fidi li xerred fid-dinja dwar Kristu. Dan kien, għadu u jibqa’ jum glorjuż, speċjalment għall-poplu ta’ gżiritna li dejjem kellu devozzjoni hekk kbira lejn San Ġorġ li wasslitu biex jagħżlu bħala l-Patrun tal-gżira Għawdxija.

200424_1874710436551_5329942_n

Sa minn meta l-qima lejn San Ġorġ daħlet f’Għawdex, jum it-23 ta’ April baqa’ jiġi miżmum bħala l-festa tal-Qaddis Protettur ta’ din il-gżira. Il-festa f’din il-ġurnata baqgħet tiġi ċċelebrata u mill-qedem kienet meqjusa bħala l-festa prinċipali ta’ gżiritna.

Il-Festa Ġorġjana baqgħet tiġi ċċelebrata fil-jum liturġiku tagħha sas-sena 1869. Fix-xahar ta’ April, ġeneralment, jaħkem temp ikrah, fejn mhux l-ewwel darba li tagħmel ix-xita u jaħkem ħafna riħ. Dan it-tip ta’ temp, meta kien jaħkem, kien itellef ħafna mill-atmosfera brijuża tal-festa fost il-parruċċani. Ħafna drabi l-Festa ta’ San Ġorġ kienet tisfratta u titħassar. Fit-23 ta’ April 1869 saret l-aħħar ċelebrazzjoni tal-festa ta’ dan il-qaddis fil-jum liturġiku tagħha. Is-sena 1870 rat din il-festa ta’ Ġorġi tagħna tiġi ttrasferita għal data oħra, għax bdiet tiġi ċċelebrata fir-raba’ Ħadd fuq l-Għid. San Ġorġ minn dejjem kien meqjum bħala l-Martri l-Kbir, Megalomartri u martri per eċċellenza. Kien minħabba f’hekk li l-festa tiegħu kienet iċċelebrata fil-ġranet qrib l-Għid. Saħansitra anki l-bandiera Ġorġjana hija l-istess waħda ta’ Kristu Rxoxt, dik b’salib aħmar fuq sfond abjad.

Bosta nies li għadhom mimlija bl-għomor, li jien ngħoddni wieħed minnhom, għadhom jiftakru l-Festa tiġi ċċelebrata f’dawk il-ġranet. F’dak iż-żmien il-probabbiltà li jinzerta temp sabiħ kienet akbar milli f’April. Ġie li kien jinzerta sema miftuħ, minn xi daqqiet b’xemx tisreġ, li kien iħajjar lill-parruċċani jżanżnu ħwejjeġ u lbiesi ġodda tal-mezzu temp. Il-poplu seta’ jgawdi l-Festa ta’ San Ġorġ b’rasu aktar mistrieħa u b’iktar ħeġġa u entużjażmu. Iżda t-temp ma kienx xi wieħed li tista’ tafdah wisq, u ġie li ġew snin fejn il-maltemp ħarbat partijiet mill-Festa. Mhux l-ewwel darba li manifestazzjonijiet esterni bħal marċijiet u purċissjonijiet kien ikollhom jieqfu jew jitħassru għal kollox.

53487_1701717791843_2930884_o

It-trasferiment tal-Festa għal żmien is-Sajf ġie fis-snin ħamsin. Fis-sena 1953 ġie ċċelebrat it-33 Ċinkwantenarju mill-Martirju ta’ San Ġorġ. Dak iż-żmien il-Festa ta’ San Ġorġ kienet l-itwal festa ċċelebrata f’Għawdex u kienet iddum ħamest ijiem sħaħ. Għall-Festa ta’ dik is-sena kienet tlestiet statwa ġdida ta’ San Ġorġ fuq iż-Żiemel li kien ħadimha l-artist Għawdxi Wistin Camilleri. Kienet statwa li kienet ikkummissjonata biex tieħu post din eżistenti li kienet tqila ħafna. Fil-fatt mhux l-ewwel darba li kien hemm periklu ta’ xi inċident meta kienet tittella’ fuq il-pedistall. Ħabat tajjeb li din l-istatwa ġdida ġiet imżanżna f’din il-festa ċinkwantenarja, propju fl-ewwel jum tat-Tridu, nhar l-Erbgħa 28 ta’ April 1953. Kienet ħadet sehem il-Banda Ċittadina La Stella li f’din l-okkażjoni żanżnet il-marċi l-ġodda tal-Festa. L-istatwa l-ġdida ttellgħet fi Pjazza t-Tokk, illum Pjazza Indipendenza, fil-post fejn kienet titqiegħed l-istatwa ta’ qabilha, hekk kif toħroġ minn Triq San Ġużepp, magħrufa bħala s-Suq.

559375_395701143807959_176087288_n

Iżda xemx u xita Alla jaf meta! Hekk jgħid il-qawl Malti u hekk hu! Il-Festa ta’ dik is-sena mxiet ħarir sal-Ġimgħa 30 ta’ April 1953. Fil-fatt nhar il-Ġimgħa filgħaxija nżammet id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ fuq id-Dragun, magħruf bħala San Ġorġ ta’ Barra, ta’ Vincenzo M. Cremona. Iżda tard bil-lejl is-sema xegħel bil-ħmura; kien jinħass li ser tqum maltempata kbira. Wara li ntemmet id-dimostrazzjoni, l-istatwa ta’ San Ġorġ tniżżlet minn fuq il-pedistall. It-temp ħażin kompla jippersisti bil-qawwa kollha tiegħu tul il-lejl kollu. Għamel lejl maltemp kbir b’xita u riħ qawwi. Tkissru u nħallu xi statwi, tqattgħu bosta bandalori u bnadar. Wieħed mill-arbli ta’ fuq il-kampnari tqaċċat u l-istilla ta’ fuqu taret u tkissret, u sa filgħodu l-biċċa tal-arblu li tqaċċtet baqgħet tixxejjer mal-buffuri tar-riħ b’periklu kbir għal kull min kien ikun għaddej minn ħdejn il-knisja. It-toroq kienu kollha mimlija ilma u r-Rabat kien ħerba.

Sebaħ lejlet San Ġorġ b’uġigħ ta’ ras għall-Kumitat tas-Soċjetà La Stella, b’moħħhom mitluf għax ma kinux jafux x’ser jaqbdu jagħmlu. Il-Festa ma setgħetx tkompli u ddiskutew x’seta’ jsir. Marru tkellmu mal-Arċipriet ta’ San Ġorġ, Mons. Mikiel Cefai u ġie deċiż li l-Festa tiġi posposta u ssir iktar tard dik is-sena, billi kienet festa ċinkwantenarja. Il-Kumitat, flimkien ma’ Mons. Cefai, mar għand l-Isqof bil-proposta ta’ trasferiment għal data aħjar. Fuq talba tal-Kumitat lil Mons. Isqof, kien propost li l-Festa tibda ssir flok dik ta’ Santa Margerita fit-tielet Ħadd ta’ Lulju. L-Arċipriet u l-poplu ta’ Ta’ Sannat minn qalbhom qablu li San Ġorġ jibda jsir flok Santa Margerita u l-festa tagħhom issir il-Ħadd ta’ wara. Dan kien il-mument li l-Festa ta’ San Ġorġ daħlet fix-xahar ta’ Lulju. Dan il-ġest mir-raħal ta’ Ta Sannat u mill-poplu tiegħu, li minn dejjem kienu jħobbu lil San Ġorġ, kien apprezzat ħafna mill-Ġorġjani kollha. Ma kinitx deċiżjoni faċli għan-nies ta’ Ta’ Sannat, u ta’ dan il-parruċċani Ġorġjani kienu, għadhom u jibqgħu grati lejhom. Mhux ta’ b’xejn li bejn iż-żewġ parroċċi minn dejjem kien hemm affinità qawwija. F’dik is-sena l-Festa, għalhekk, reġgħet saret f’Lulju kollha kemm hi mill-ġdid, biż-żieda wkoll ta’ Akkademja Mużiko-Letterarja li saret fis-sala tat-teatru tal-Oratorju Don Bosco.

Mela l-Festa ta’ San Ġorġ issa bdiet issir fix-xahar ta’ Lulju, il-qofol tas-Sajf, u għalhekk, kif normalment jiġri, joħroġ bnazzi kbir li jiggarantixxi l-organizzazzjoni tal-Festa mingħajr disturbi metereoloġiċi. Mill-ewwel festa tas-sena ċċelebrata f’Għawdex, issa San Ġorġ daħal fil-qalba tal-istaġun festiv, fl-eqqel tas-sħana li taħkem fi żmien il-Festa tal-Karmnu. Bil-mod il-mod, San Ġorġ sar sinonimu ma’ dan ix-xahar u sal-ġurnata tal-lum għadu jkun imfittex minn bosta Maltin u anki barranin li jiġu jgawdu din il-festa kbira ta’ Ġorġi tagħna.

Mhux ta’ b’xejn li fis-sena 1953 il-festa speċjali Ġorġjana saret darbtejn. Wara tliet xhur il-Festa reġgħet saret kollha kemm hi mill-bidu nett u l-partitarji għalenija attendew għal din il-festa tat-33 Ċinkwantenarju mill-Martirju ta’ San Ġorġ bi spirtu tassew inkoraġġanti u ferrieħi. Mhux ta’ b’xejn li wieħed mill-marċi brijużi tal-festa tal-Banda La Stella ta’ dik is-sena kien sarlu kliem sabiħ bil-versi li jirreferu għal dan it-trasferiment tal-Festa!

Nagħlaq dan l-artiklu billi nikkwota l-ewwel biċċa minn dan il-marċ ferrieħi li baqa’ jindaqq b’ferħ kbir mill-Banda La Stella matul il-jiem tal-Festa.

Nifirħu lkoll mal-miġja ta’ Lulju
li jġib miegħu l-Festa Ġorġjana,
festa li tħajrek tgħajjat mal-briju,
il-festa l-kbira ta’ Ġorġi tagħna.

Festa mill-isbaħ fi ġranet xemxin
tiġbed ġo beltna eluf ta’ Maltin,
kollha mistagħġba u kollha msaħħrin
bi ġmiel l-Istilla, ferħ kbir tal-Għawdxin.

(Artiklu tas-Sur George Borg, ippubblikat fil-ktieb Festi San Gorg 2012)