Il-Festa ta’ San Ġorġ illum ċertament hija l-festa ta’ Għawdex – festa ta’ poplu. Il-kobor tagħha jidher mhux biss fuq dimensjoni ġenerali imma wkoll fid-dettalji u l-irqaqat tagħha. Il-Festa ta’ San Ġorġ żammet b’mod uniku l-bilanċ bejn il-qadim u l-ġdid; hi għadha sal-lum ċelebrazzjoni ta’ kultura, ta’ arti, ta’ mużika, ta’ liturġija u ta’ tiġdid spiritwali għal bosta, li permezz ta’ San Ġorġ jersqu aktar lejn iċ-ċentru tal-fidi tagħna: Kristu.
Fil-festa tal-lum, ix-xogħol u l-ippjanar min-naħa tal-Kumitat Ċentrali jibdew minn diversi xhur qabel, fejn jiġu kkordinati d-diversi attivitajiet. Dan il-proċess isir f’kordinament ma’ voluntiera fi ħdan l-Uffiċċju Parrokkjali tal-Bażilika Ġorġjana, li jaħdmu id f’id mal-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata fl-amministrazzjoni tal-parroċċa, biex jiġi żgurat li ebda attività esterna ma tfixkel jew ittellef xi funzjoni fil-Bażilika jew inkella xi attività oħra ta’ natura reliġjuża. Kull attività tiġi mħejjija b’attenzjoni kbira: dawn jinkludu appuntamenti għat-tfal tagħna, speċjalment in-Novena, il-funzjonijiet u ċelebrazzjonijiet liturġiċi l-oħra kollha ta’ matul il-Ġimgħa tal-Festa, u anki elementi oħra bħalma hu l-armar u t-tiżjin fil-Bażilika. Il-Festa ta’ San Ġorġ hija wkoll sinonima mal-mużika grandjuża li tiġi esegwita fiha, mużika li tiġbed għadd kbir ta’ dilettanti, kemm dik li tindaqq fil-Bażilika u kemm dik li tiġi esegwita matul il-Victoria International Arts Festival.
Naturalment, meta wieħed isemmi s-Soċjetà Filarmonika La Stella, ma jistax ma jsemmix ir-ruħ tagħha, li hija l-Banda La Stella. Is-servizz tal-Banda fil-Festa huwa wieħed indispensabbli, fejn tista’ tgħid kuljum matul il-Ġimgħa tal-Festa takkumpanja xi marċ jew dimostrazzjoni.
L-elementi tal-Festa jinkludu wkoll il-libsa li xxidd il-belt tagħna matul ix-xahar ta’ Lulju. L-armar li jdawwal u jsebbaħ it-toroq u l-pjazez tagħna huwa xi ħaġa kbira tassew. L-Għaqda tal-Armar irnexxielha tkabbar u tirfina t-tiżjin li għandna, u llum kulħadd jistagħġeb bih. Irridu ngħidu wkoll li l-Għaqda tal-Armar għandha bħala parti mill-programm tagħha r-restawr u l-konservazzjoni ta’ armar antik li jeħtieġ attenzjoni. Insemmu wkoll lil dawk il-Ġorġjani li għal diversi snin ilhom jieħdu ħsieb it-Tiġrijiet taż-Żwiemel, li bħalma kulħadd jaf, huma uniċi għax waħidhom isiru filgħaxija, ’il bogħod mill-qilla tax-xemx.
Il-Festa ta’ San Ġorġ hija magħrufa wkoll għall-briju li jagħmlu ż-żgħażagħ, u għalhekk jixraq li niftakru f’sehem dawn il-Ġorġjani wkoll. Dan jinkludi wkoll dawk involuti fit-tħejjija tal-feature professjonali li jinħadem għad-Dimostrazzjoni tal-Ħamis, li naturalment jirrikjedi ħafna xogħol matul il-ġimgħat ta’ qabel il-Festa.
Ma’ dawn kollha wieħed irid iżid is-sostenn finanzjarju kontinwu tal-parruċċani Ġorġjani u l-partitarji Tal-Istilla. Ċertament, mingħajr l-għajnuna ta’ kulħadd ma jkunx possibbli li ssir festa hekk kbira… Festa ta’ Poplu…
Viva San Ġorġ!
(Għal aktar ritratti tal-Festa idħol hawn)