Join Us On:

SOĊJETÀ  

IS-SOĊJETÀ FILARMONIKA LA STELLA: L-ISTORJA FIL-QOSOR

Tagħrif miġbur minn Michael Said

Bil-kuntratt pubbliku tal-11 ta’ Jannar tas-sena 1881 ġiet imwaqqfa legalment is-Soċjetà Filarmonika La Stella, l-ewwel soċjetà mużikali Għawdxija. Bil-kuntratt wieħed u għoxrin bandist, flimkien mas-surmast, intrabtu legalment f’għaqda li ġġib l-isem ta’ “La Stella Vincitrice”.  Dan il-kuntratt sar seba’ xhur wara li l-Għaqda kienet tellgħet programm mużikali fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’Antnin tal-1880, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Anton Buhagiar.  Il-kuntratt sar fid-dar ta’ Salvu Zammit, wieħed mix-xhieda, f’Nru 9, fl-isqaq ta’ Triq Sant’Indrija.

Il-kuntratt tal-1881

Dan il-kuntratt jindika li t-trawwim u t-tnissil tagħha jmorru lura sas-sena 1863, minħabba l-fatt li fl-istess kuntratt hemm imniżżel li s-Soċjetà, inkluż is-surmast, ma kellha ddaħħal l-ebda flus mid-daqq “ta’ wara l-bibien”, kif naqraw fl-artikli 23, 24 u 25 tal-istess kuntratt; minn hawn, fost l-oħrajn, joħroġ il-qedem ta’ din is-soċjetà mużikali, li l-membri tagħha diġà kienu ilhom idoqqu minn ħafna snin qabel ma din ġiet imwaqqfa legalment.  Fis-sena 1864 Għawdex inqata’ djoċesi għalih u l-Għawdxi Mons. Mikiel Franġisk Buttigieg inħatar l-ewwel isqof djoċesan.  Il-ferħ kien kbir… u mal-ferħ tal-poplu ddoqq il-banda wkoll!  Fin-Narrazione Storica ta’ dak iż-żmien naqraw li żewġ baned ferrħu lill-poplu bid-daqq tagħhom, u r-rivista L’Arte ta’ Novembru 1864 tgħarrafna wkoll li f’dawk il-festi kien hemm baned idoqqu fl-iljieli kollha.  Kinux baned żgħar jew kbar ħadd ma jista’ jgħid fiż-żgur, iżda hu żgur li dawn kienu l-bidu tas-Soċjetà La Stella.

Il-kuntratt tal-11 ta’ Jannar 1881 jgħarrafna li ħamsa mill-bandisti, Pietro Attard, Salvatore Farrugia, Salvatore Buhagiar, Anton Frendo u Mikelang Buttigieg, li kienu qed jiffurmaw parti mill-L’Antica Società, obbligaw irwieħhom li jiffrekwentaw il-lezzjonijiet tal-mużika mas-Surmast Anton Buhagiar u dawn riedu iħallsu xelin kull wieħed fix-xahar għall-perjodu ta’ sena,  waqt li jtenni wkoll li l-bandisti l-oħra kienu mħarrġa sewwa fit-tagħlim mużikali u kienu lesti għall-kunċerti.  Jiġifieri avolja dawn kien diġà idoqqu, xorta kellhom jattendu lezzjonijiet għal żmien sena biex ikunu jistgħu jagħmlu parti minn din l’Antica Società.  Nafu wkoll li t-Teatru Calypso, li l-fundatur tiegħu ma kien ħadd ħlief il-Perit Pietru Attard, kellu orkestra tiegħu ta’ tnax-il mużiċist, immexxija mis-Surmast Salvu Grima, li spiċċaw bandisti u membri tas-Soċjetà La Stella.  Rigward il-bandisti, dawn kienu mħejjija biex idoqqu, u dan juri biċ-ċar li l-bandisti tas-Soċjetà La Stella Vincitrice kienu diġà bandisti, ġejjin mill-fdal ta’ dawk il-baned li għexu u tbiddlu mal-medda tas-snin 1863-1880 sa ma fl-aħħar ħadu sura ta’ għaqda mużikali regolari li daqqet fil-festa ta’ Sant’Antnin fl-1880.

L-eqdem ritratt tal-Banda La Stella li jġib id-data tal-4 ta' Frar 1888.

L-eqdem ritratt tal-Banda La Stella li jġib id-data tal-4 ta’ Frar 1888.

Numru ta’ każini

L-ewwel kunċerti saru fid-dar tal-fundatur, il-Perit Pietru Attard (Tal-Ispettur), fi Triq il-Għajn, fejn il-lum tgħammar il-Familja Farrugia (Ta’ Lippu), u mbagħad fl-1880 infetaħ l-ewwel każin f’Nru 15, Strada San Giovanni, ir-Rabat.  Wara nsibuha f’Nru 17, Strada Fontana, li bdiet tintuża bħala każin fis-sena 1884.  Fl-1893 is-Soċjetà resqet aktar lejn il-qalb tar-Rabat meta nkisbet dar imdaqqsa qrib il-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ, f’Nru 93, Triq il-Karità.  Ir-raba’ każin kien fi Strada Palma, f’Nru 78, u fis-sena 1909 is-Soċjetà reġgħet biddlet il-każin għal darb’oħra, għal Nru 126, Triq il-Karità.  Fl-1925 is-Soċjetà marret f’Nru 147, Triq it-Tiġrija, waqt li fl-1940 narawha terġa’ tbiddel il-każin u tirtira f’wieħed iżgħar, f’Nru 24, Triq Vajrinġa; dan kien żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.  Wara li ntemmet il-gwerra, fis-sena 1944, is-Soċjetà kisbet dar kbira fi Pjazza San Franġisk, u fl-1952 għat-tielet darba nsibu l-każin fi Triq il-Karità, f’Nu 126.  Hawn is-Soċjetà għaddiet l-aħħar snin qabel ma xtrat il-post f’Nru 9, Triq it-Tiġrija, fejn aktar tard żviluppat kumpless li jkopri każin, teatru u sala taż-żfin.  Is-sena 1966 rat lis-Soċjetà bil-każin fi Triq it-Tiġrija, iżda din id-darba bl-intenzjoni li titfa’ l-ankri f’dan il-post fejn kellha pjanijiet u ambizzjonijiet differenti u ġodda.

Viżjoni lil hemm minn xtutna

Fis-sena 1885 il-Banda qasmet il-baħar u esegwiet l-ewwel programm minn banda Għawdxija f’Malta fil-festa tal-Vitorja fil-Mellieħa, taħt id-direzzjoni tas-surmast Achille Lanzon, u fl-1888 il-Banda daqqet fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Duminku meta għamlet programm mużikali fi Pjazza Reġina.  Dan beda rabta ma’ din il-festa u l-Banda King’s Own li torganizzaha, li għadha marbuta f’għoqda soda tant li ta’ kull sena tiġi mistiedna għall-festa ta’ San Ġorġ, fejn iż-żewġ baned joffru spettaklu ta’ mużika billi jingħaqdu f’banda waħda u jdoqqu innijiet u marċi lejlet il-festa.

Fl-1894 is-Soċjetà La Stella laqgħet bid-daqq ta’ marċi brijużi l-istatwa ta’ San Ġorġ għall-festi ta’ barra.  F’dik l-okkażjoni kien ġie mżanżan l-ewwel innu kbir lil San Ġorġ, miktub minn Mons. Giuseppe Farrugia.  Fl-1930 iffestiġġjat għeluq il-ħamsin anniversarju bħala l-ewwel soċjetà mużikali Għawdxija, minn meta daqqet l-ewwel programm fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat.  Matul żmien it-Tieni Gwerra Dinjija s-Soċjetà La Stella batiet ukoll, iżda sentejn wara, f’Settembru 1947, il-Banda għamlet l-ewwel safra barra x-xtut Maltin, meta marret Katanja, Sqallija, fejn għamlet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-surmast Giuseppe Giardini Vella.  Fis-sena ta’ wara, 1948, reġgħet marret Katanja, u fl-1949 żaret Palermo.  Il-Banda għamlet bosta programmi oħra barra minn Għawdex matul is-snin, u fl-1994 siefret il-Kanada fejn tat programmi u marċi li ferrħu lill-komunità Maltija u Għawdxija fil-festa ta’ San Ġorġ li ssir f’Toronto, meta kienet ġiet mistiedna mill-Assoċjazzjoni Festa San Ġorġ tal-Kanada.

Organizzatriċi tal-festi esterni ta’ San Ġorġ

Is-Socjeta La Stella twieldet, kibret u għexet dejjem għad-dell tal-parroċċa ta’ San Ġorġ.  Fis-sena 1882, il-prokuratur tal-festa ta’ San Ġorġ daħal f’kuntratt ma’ tliet membri tas-Soċjetà La Stella, Karlu Cassar, Ġużeppi Grech u Giovanni Cilia, biex dawn jibdew jieħdu ħsieb l-organizzazzjoni tal-festi esterni.  Dawn it-tliet negozjanti mir-Rabat, barra li kienu membri attivi fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella, kellhom ukoll lil uliedhom bandisti tagħha.

Fis-sena 1976 is-Soċjetà La Stella kienet l-ewwel għaqda mużikali fil-gżejjer Maltin li ħarġet diska long play bil-marċi, fosthom l-innu marċ lil San Ġorġ tas-surmast Vincenzo Ciappara.

1857 Pel Flauto

Manuskritt mużikali tal-1857, wieħed minn bosta li kienu propjetà tal-Perit Pietru Attard u li llum jinsabu fl-Arkivju Mużikali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.

Presidenti u surmastrijiet kbar

Is-Soċjetà La Stella tista’ tiftaħar b’nies ta’ ċerta stima, kapaċità, dehen, dedikazzjoni u impenn li dejjem kellha f’dak li jirrigwardja d-direzzjoni kif ukoll it-tmexxija tagħha.  Insibu lis-Surmast Antonio Buhagiar bħala l-ewwel surmast direttur ta’ din is-soċjetà mużikali Għawdxija, u l-Perit Pietru Attard bħala l-moħħ ewlieni u l-ewwel president tagħha.  Surmastrijiet oħra li din il-banda ċittadina u dekana kellha, u li bil-ħidma tagħhom kisbulha suċċessi kbar, kienu: Salvu Grima fl-1881; Achille Lanzon fl-1884; Giuseppe Borg fl-1886; Anton Agius fl-1892; Alfonso Cinà fl-1901; Gaetano Grech fl-1902; il-Kav. Alfred P. Hare fl-1905; Giuseppe Vitaliti bħala aġent fl-1923; Giuseppe Grech fl-1923; Emanuel Bartoli bħala aġent fl-1924; Giuseppe Stivala fl-1925; Giuseppe Giardini Vella fl-1926; Anthony Sammut bħala aġent fl-1948; Vincenzo Ciappara bħala aġent fl-1948 u mill-ġdid fl-1950; Ġanni Vella fl-1951 u mill-ġdid fl-1968; Angelo Pace fl-1956; Edgar Lowell fl-1958; l-Prof. Joseph Vella fl-1970 u Dott. John Galea fl-2018.

pietro-attard

Il-Perit Pietru Attard

(Dan l-artiklu ta’ Michael Said ġie aġġornat, u kien ippubblikat fil-ktieb Festi San Ġorġ 2011)

___________________________________________________________

Il-BANDA ĊITTADINA LA STELLA BARRA MINN MALTA

Tagħrif miġbur minn Michael Said

Kif semmejna, il-Banda La Stella għandha ħafna primati fil-kullana tas-suċċessi tagħha. Fost dawn hemm dak li kienet l-ewwel banda Għawdxija li daqqet f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Din hija ġabra ta’ mawriet li l-Banda għamlet bejn l-1947 u l-1999.

1947 09 Katanja 02

1) Surmast Giuseppe Giardini Vella – Programm di Gala – Villa Bellini, Katanja, Sqallija, l-Italja – 13 ta’ Settembru 1947. Il-banda ġiet irregalata bi stendard ta’ Katanja mis-sindku tal-belt.

2) Surmast Anthony Sammut – Programm di Gala – Villa Bellini, Katanja, Sqallija, l-Italja – 4 ta’ Settembru 1948.

3) Surmast Giuseppe Giardini Vella – Programm di Gala – Piazza Politeana, Palermo, Sqallija, l-Italja – 21 ta’ Awwissu 1949.

1954 08 Katanja 02 (_anni Vella)

4) Surmast Ġanni Vella – Programm di Gala – Villa Bellini, Katanja, Sqallija, l-Italja – 29 ta’ Awwissu 1954.

1973 08 Firenze 02

5) Surmast Joseph Vella – Programm di Gala – Piazza della Signoria, Firenze, l-Italja – 31 ta’ Awwissu 1973. Surmast Joseph Vella – Marċ – Piazza Rotonda, Salerno, l-Italja – 2 ta’ Settembru 1973. Il-banda ġiet irregalata bi stendard ta’ Salerno.

1975 07 28 Piazza Navona, Roma

6) Surmast Joseph Vella – Programm di Gala – Piazza Navona, Ruma, l-Italja – 28 ta’ Lulju 1975. Il-banda ġiet irregalata bi stendard ta’ Ruma mis-sindku tal-belt.

1975 07 31 Piazza San Marco, Venezia

Surmast Joseph Vella – Programm di Gala – Piazza San Marco, Venezja, l-Italja – 31 ta’ Lulju 1975. Il-banda ġiet irregalata bi stendard ta’ Venezja mis-sindku tal-belt.

1977 08 Como (Surmast _anni Vella)

7) Surmast Ġanni Vella – Programm di Gala – Piazza Cavour, Como, l-Italja – 12 ta’ Awwissu 1977. Surmast Ġanni Vella – Programm di Gala – Piazza della Riforma, Lugano, l-Isvizzera – 13 ta’ Awwissu 1977.

1989 09 08 Canicattini Bagni 04

8) Surmast Joseph Vella – Sfilata – Toroq ewlenin ta’ Canicattini Bagni, Sirakuża, Sqallija, l-Italija – 8 ta’ Settembru 1989. Surmast Joseph Vella – Programm – Canicattini Bagni, Sirakuża, Sqallija, l-Italija – 9 ta’ Settembru 1989. Surmast Joseph Vella – Festival – Piazza XX Settembre, Canicattini Bagni, Sirakuża, Sqallija, l-Italja – 10 ta’ Settembru 1989. Mro Vella mexxa l-banda tal-post fl-eżekuzzjoni tal-kompożizzjoni mużikali tiegħu Jubilo, li kienet rebbħitu t-tieni premju f’dan il-festival is-sena ta’ qabel.

1992 08 _ermanja - G_oti Standard

9) Surmast Joseph Vella – Programm di Gala – Piazza America, Eupen, il-Belġju – 28 ta’ Awwissu 1992. Dik il-ġimgħa kien hemm wirja internazzjonali tal-fjuri. Surmast Joseph Vella – Sfilata kbira – Marktplatz, Adenau, il-Ġermanja – 29 ta’ Awwissu 1992. Surmast Joseph Vella – Programm fl-okkażjoni tal-elf sena mit-twaqqif tal-belt – Marktplatz, Adenau, il-Ġermanja – 30 ta’ Awwissu 1992. Il-banda ġiet irregalata bi stendard tal-belt mis-sindku ta’ Adenau.

1994 04 Kanada

10) Surmast Joseph Vella – Marċ u Purċissjoni – Toronto, il-Kanada – 22 ta’ April 1994. Il-banda għamlet marċ tul Dundas Street West flimkien mal-Malta Band. Meta l-marċ wasal ħdejn Malta Park sar it-tberik tal-istatwa ta’ San Ġorġ li kienet għadha kif ġiet irrestawrata, imbagħad tkompliet purċissjoni bl-istatwa sal-knisja ta’ St Paul’s, fejn il-konċelebrazzjoni solenni tal-festa tmexxiet mill-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, Mons. Salv Borg. Surmast Joseph Vella – Programm – Mississauga, Toronto, il-Kanada – 23 ta’ April 1994. Il-programm ittella’ waqt Dinner Dance fis-St John’s Lithuanian Hall.

1997 09 Vienna u Praga 02

11) Surmast Joseph Vella – Marċ u Programm – Vjenna, l-Awstrija – 4 ta’ Settembru 1997. Il-marċ beda minn barra l-kanċell tal-Palazz Schönbrunn u wara sar programm mużikali quddiem l-entratura prinċipali tal-palazz. Surmast Joseph Vella – Marċ u Programm – Old Town Square, Praga, ir-Repubblika Ċeka – 5 ta’ Settembru 1997. Il-marċ sar fiċ-ċentru storiku tal-belt ta’ Praga, magħruf bħala l-Golden Cross, u għadda minn Winceslas Square u kompla sejjer sa Old Town Square, fejn il-banda daqqet programm mużikali għad-dell tal-monument grottesk ta’ John Huss.

1999 El Kantaoni

12) Surmast Joseph Vella – Sfilata tal-Karnival – Sousse, it-Tuneżija – 27 ta’ Frar 1999. Ħadet sehem flimkien mal-banda l-kumpanija taż-żfin tat-Teatru Astra.

(Dan l-artiklu ta’ Michael Said ġie ppubblikat fil-ktieb Festi San Ġorġ 2011)