WEST SIDE STORY – SERATA MEMORABBLI ĠEWWA T-TEATRU ASTRA
Il-bieraħ ġewwa t-Teatru Astra saret l-ewwel rappreżentazzjoni minn sensiela ta’ sitta, tal-musical West Side Story. Kif mistenni l-musical laħaq livell għoli ħafna u l-udjenza kellha kliem ta’ tifħir għall-ispettaklu ta’ żfin, kant, reċtar u mużika li flimkien max-xenografija, kostumi, dwal u effetti diġitali oħra daħħluna f’dinja oħra, ambjentata ġewwa New York madwar sebgħin sena ilu.
Il-musical, b’lirika ta’ Stephen Sondheim u mużika ta’ Leonard Bernstein se jkun qed jittella ġewwa t-Teatru Astra sitt darbiet. Minbarra r-rappreżentazzjoni tal-bieraħ se jsir ukoll illejla, għada l-Ħadd, nhar it-Tnejn 18 ta’ Marzu, lejlet festa pubblika, u tmiem il-ġimgħa ta’ wara, is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ Marzu.
Prosit tassew huwa mistħoqq lit-team kreattiv tal-musical kompost minn Chris Gatt bħala direttur artistiku, Mariella Spiteri Cefai li ddireġiet l-orkestra u l-kor u Francesco Nicodeme li barra milli kellu f’idejħ il-koreografija għamel il-parti ta’ Tony. Prosit ukoll lil dawk kollha li kellhom partijiet prinċipali, Hannah Spiteri fil-parti ta’ Maria, Jasmine Farrugia fil-parti ta’ Anita, Rafael Pimienta fil-parti ta’ Bernardo u Warren Schembri Bonello fil-parti ta’ Riff. Prosit ukoll lill-bqija tal-membri tal-kast u dawk kollha nvoluti fis-sezzjonijiet l-oħra, kostumi, xenografija, dwal, sound, effetti diġitali, backstage u l-amministrazzjoni u l-marketing tal-musical.
Dan il-musical kien possibbli għax kien hemm l-għajnuna u l-kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet fosthom l-Arts Council Malta, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, MeDirect u VisitMalta.
Min jixtieq jakkwista biljett għal xi waħda mir-rappreżentazzjonijiet li fadal jista jibbukkja fuq teaturastra.org.mt.
Ritratti: Joe Attard