WASLET IL-ĠIMGĦA TAL-FESTA
Waslet il-ġimgħa tal-festa, żmien li aħna l-Ġorġjani inkunu ilna nistennew mill-għada tal-festa tas-sena ta’qabel. Din is-sena l-festa se tkun waħda limitata f’ċirkostanzi mhux tas-soltu. Minħabba l-pandemija dak kollu li jappartjeni l-festa tagħna se jkun ridott anke b’rispett lejn min forsi bata jew qed ibati xi konsegwenzi minħabba l-imxija li ħakmet lid-dinja kollha.
Il-parroċċa tagħna ġa ħarġet il-programm ridott għal din is-sena u taqassam fid-djar mall-bullettin. Għal min ma wasallux jista jidħol f’din il-link.
Il-Banda Ċittadina La Stella se tkun qed tieħu sehem waqt il-ħruġ tal-purċissjoni f’forma ta’ pellegrinaġġ li se jsir nhar il-Ħadd 19 ta’ Lulju 2020. Waqt il-ħruġ tal-istatwa devota u artistika ta’ San Ġorġ il-banda tagħna se teżegwixxi l-innu immortali A San Giorgio Martire, versi tal-Prof. Luigi Billion u mużika ta’ Mro Giuseppe Giardini Vella, bis-sehem tat-tenur Antonino Interisano (l-Italja), il-baritonu Louis Andrew Cassar (Malta) u l-kor tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Il-banda tkun taħt id-direzzjoni mużikali tas-surmast tagħna Dr John Galea. Wara, l-banda takkumpanja l-pellegrinaġġ bid-daqq ta’ innijiet reliġjużi.
Aktar il-quddiem se jitħabbru xi festi esterni wkoll li għalihom il-programm qed jinħadem bħalissa peress li kollox ried jiġi organizzat fi ftit jiem. Bi pjaċir ġa ġie imħabbar programm ridott tan-nar fuq il-mezzi soċjali kif ukoll xi attivitajiet taż-żgħażagħ fi ħdan l-għaqda tagħhom. Il-libsa, permezz tal-armar, li soltu tilbes beltna f’dawn il-jiem din is-sena se nħossu n-nuqqas tagħha, imma ma jimpurtax, nirritornaw bil-kbir s-sena d-dieħla.
Intant xi membri tal-kumitat qed jiġbru fondi biex jiġu organizzati l-festi esterni (ridotti). Naturalment kulħadd jgħin mill-aħjar li jista’ f’dawn iċ-ċirkostanzi uniċi. Dwar l-attivitajiet esterni żommu kuntatt fuq il–facebook page tas-Soċjeta Filarmonika La Stella għad-dettalji li se jitħabbru dalwaqt.
Viva San Ġorġ patrun tal-Belt Victoria u protettur tagħna l-Għawdxin !