WASLET IL-ĠIMGĦA TAL-FESTA
Waslet il- ġimgħa tant mistennija minna l-Ġorġjani, festa li fiha ngawdu aktar mill-qrib dak kollu li jsawwar il-komunità parrokkjali tagħna, b’mod speċjali il-festa kbira li nagħmlu fil-Belt Victoria f’ġieħ il-patrun u protettur ta’ Għawdex San Ġorġ Martri.
It-triqat ta’ beltna bdew jilbsu l-ifjen tiżjin kif verament jixraq f’din il-festa tant mistennija, wara nuqqas u limitazzjonijiet minħabba l-pandemija. F’dawn il-jiem kellna n-novena b’mumenti sbieħ u ta’ tagħlim fuq San Ġorġ u issa jekk Alla jrid fil-jiem li ġejjin jintlaħaq il-qofol tal-festi bit-tliet ijiem tat-tridu, translazzjoni solenni u l-pontifikal f’jum il-festa. Infatti nixtiequ nifirħu lill-alljievi tagħna u l-kor Piccole Stelle għas-sehem li taw fin-novena taħt id-direzzjoni tas-surmast Dr John Galea u l-għalliema tagħhom.
Fuq barra nhar il-ġimgħa inżammet l-ikla tal-festa u dalgħodu se nibdew l-attivitajiet bis-sehem tal-Banda Ċittadina u Dekana La Stella, fl-okkażjoni tal-ewwel quddiesa fil-Bażilika Ġorġjana tas-saċerdot novell Dun Gabriel Vella.
Kif wieħed jista’ jimmaġina bħalissa id-diversi għaqdiet huma mpenjati ħafna biex bħas-soltu nagħmlu festa kif jixraq. Minn din il-paġna nistednukom tgħinu l-għaqdiet tagħna, kulħadd kif jista’. Aħna jirnexxielna nagħmlu festa kbira biss bis-sostenn tal-partitarji – bil-ftit ta’kulħadd jirnexxielna nagħmlu affarijiet kbar u ta’ livell.
F’dawn il-jiem segwu l-paġni ta’ Facebook kemm tal-parroċċa kif ukoll tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella għal aġġornamenti dwar dak kollu li jkun qed jiġri. Nawguraw l-festa t-tajba lill-Ġorġjani u lil dawk kollha li se jingħaqdu magħna f’dawn il-jiem.
Viva San Ġorġ!