Join Us On:

News Archive

WARA JUM IL-BELT VICTORIA

Artiklu ieħor li deher fil-ħarġa t’Awissu, tar-rivista “ta’ l-iStilla”, kien dwar il-programm mużikali li ttella’ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Belt Victoria, programm li fih ħadu sehem iż-żewġ baned ta’ beltna. Għall-benefiċċju tagħkom u ta’ dawk li għadhom qed jippruvaw jgħawġu l-fatti, hawn taħt qed inġibu r-risposta li s-sindku ta, wara dak li ġara waqt manifestazzjoni ċivika bħal din.

_________________________________________________________________________________________________________

Ir-Risposta tas-Sindku tal-Belt Victoria

Wara li ppubblikajna l-ittra li l-President tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella” bagħat lis-sindku tal-belt Victoria, is-Sur Robert Tabone, hawn taħt ser nippublikaw siltiet mill-ittra li ntbagħtet liż-żewġ soċjetajiet mużikali mill-istess sindku. Inħallu lill-poplu jiġġudika hu, dwar min ħareġ ta’ raġel wara dak li ġara fl-okkażjoni ta’ Jum il-Belt Victoria 2007.

F’din l-ittra, is-Sindku għoġbu jirringrazzja u jifraħ liż-żewġ baned tal-Programm mill-isbaħ li tellgħu, programm li skond hu għamel ġieh mhux biss lis-soċjetajiet mużikali rispettivi, imma wkoll lill-belt Victoria. Iżda mbagħad huwa jagħmel referenza għal dak li ġie miftiehem flimkien mal-uffiċċjali taż-żewġ Soċjetajiet waqt laqgħa li saret nhar l-Erbgħa 20 ta’ Ġunju 2007 (laqgħa numru 22). Huwa jsemmi li filwaqt li s-Soċjetà ‘Leone’ żammet kelmitha meta ma sparatx il-kanun tal-karti waqt l-eżekuzzjoni tal-overture 1812, huma kissru kull ftehim ieħor meta nxteħtu fjuri u karti minn partitarji u membri tas-Soċjetà Leone. Hawn taħt ser nikkwotaw kelma b’kelma dak li nkiteb mis-sindku fuq dan ir-rigward:

“Nagħmel issa referenza għal fatti ta’ tfigħ ta’ fjuri u karti minn popper sparat matul il-final ta’ l-eżekuzzjoni tal-‘1812’ ta’ Tchaikovsky minn partitarji tas-Soċjetà Leone lejn il-banda ċittadina ‘Leone’. Il-Kunsill jaqbel li f’kuntest totalment differenti minn dak ta’ nhar id-9 ta’ Ġunju, tfigħ ta’ ward u ta’ karti ma kienx sejjer la joħloq polemika u inqas u inqas diżgwid. Pero’ il-fatt li l-kuntest sensittiv immens ta’ din is-serata partikolari kien ifisser li dan l-aġir seta’ (kif fil-fatt ġara) kellu riperkussjoni. Importanti wkoll li wieħed ifakkar li matul il-laqgħat li l-Kunsill kellu mar-rappreżentanti taż-żewġ soċjetajiet fil-ġimgħat ta’ qabel l-attività, l-iktar punt li sħaqna fuqu lkoll kienu propju li matul is-serata jsiru BISS dak li jkun ġie miftiehem matul dawn l-istess laqgħat u XEJN AKTAR. Dan nirrepeti, fid-dawl tal-fatt li aħna lkoll li konna preżenti għal dawn il-laqgħat apprezzajna u fhimna li matul serata sensittiva bħal din l-inqas xrara kellha l-potenzjal li toħloq ħuġġieġa. Għaldaqstant il-kunsill jemmen li f’dan il-kuntest, t-tfigħ ta’ ward u tal-karti mill-popper ma kienx floku.”

Robert Tabone
Sindku
___________________________________________________________________________________________________________

F’ittra mibgħuta mis-Soċjetà Leone (iffirmata mis-Sur Joseph Apap, Segretarju, 15-06-2007), lis-sindku, iddikjarat hekk:
“Is-Soċjetà Filarmonika Leone tiddikkjara bl-aktar mod kategoriku li ma kisret ebda ftehim jew kundizzjoni li saru waqt id-diskussjonijiet li saru bejn il-partijiet. Nippreċiża illi ddiskutejna l-programm fid-dettal ta’ l-eżekuzzjoni u ċioé il-partijiet li kellhom jindaqqu minn kull banda u s-sekwenza ta’ kif kellhom jindaqqu dawn ix-xogħolijiet.”

Is-Soċjetà ‘Leone’ fl-istqarrija tagħha saħqet li ser “tħalli lill-poplu u lin-nies ta’ ċerta integrità biex jagħtu l-ġudizzju tagħhom rigward l-atteġġjament taż-żewġ soċjetajiet f’din l-attitiva organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.”

Aħna ser nagħmlu l-istess. Għandkom il-fatti..aqrawhom…u waħidkom toħorġu għall-konklużjoni dwar min hu verament infantili u immatur!