VIVA MARIJA IMMAKULATA !
Għada, 7 ta’ Diċembru, huwa lejlet il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. L-istatwa tal-Immakulata hija kapulavur ta’ Salvatore Psaila, maħduma fl-injam, u hija meqjuma b’għożża kbira fil-Knisja ta’ San Franġisk tal-Belt Victoria.
Il-festa tal-Immakulata tfisser ukoll impenn għall-Banda Ċittadina La Stella peress li tieħu sehem darbtejn, f’lejlet il-festa u nhar il-festa. Infatti għada fit-8pm il-Banda tagħna se tagħmel marċ qasir ġewwa Pjazza San Franġisk sal-Knisja, minn fejn tibda d-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Pawlu Aquilina. F’din l-okkażjoni se tieħu sehem ukoll il-Banda Sta Margerita ta’ Sannat.
Is-Sibt 8 ta’ Diċembru, nhar jum il-festa, il-Banda Ċittadina La Stella se ddoqq l-Innu l-Kbir, waqt il-ħruġ tal-istatwa devota ta’ Marija Immakulata. Din is-sena hija okkażjoni speċjali wkoll għax se jagħmel id-debutt tiegħu bħala surmast tal-Banda, Mro Dr John Galea li għadu kif inħatar fil-jiem li għaddew. Nhar jum il-festa se tieħu sehem ukoll il-Banda Mnarja tan-Nadur.
Naturalment il-festa tal-Immakulta Kunċizzjoni hija waħda importanti ħafna għalina l-membri tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ u s-Soċjetà Filarmonika La Stella. Din ir-rabta tmur lura ħafna snin u kull sena il-bandisti jagħmlu impenn speċjali biex jagħtu l-kontribut tagħhom fis-servizzi marbuta mal-festa. Illejla stess sar kunċert preparatorju fil-Każin La Stella bl-innijiet tal-Kunċizzjoni, fostom l-innu tal-mibki l-Prof Joseph Vella, bla dubju wieħed mill-isbaħ innijiet miktuba minnu.
J’Alla t-temp jippermetti ħalli għal darb’ oħra nerġgħu nagħmlu festa kif tixraq lill-Immakulata Kunċizzjoni. Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu l-patrijiet Franġiskani u l-kommunità tal-madwar f’dawn il-jiem ta’ festa. Viva l-Immakulta Kunċizzjoni !
(Ritratti: Mario Casha)