Join Us On:

News Archive

TNEHDIJA TAL-KTIEB IDENTITY OF AN ISLAND – GOZO: ART BETWEEN PAST AND PRESENT, EDITUR: MARK SAGONA

Nhar is-Sibt 4 ta’ Marzu 2023 fis-sede tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, Għawdex ser issir it-tnehdija tal-ktieb editjat minn Dr Mark Sagona, il-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Universita’ ta’ Malta, Identity of an Island – Gozo: Art between Past and Present.  Dan il-volum ġdid huwa ppubblikat mit-Teatru Astra u Midsea Books Ltd u jiddokumenta l-inizzjattiva artistika u kulturali bl-istess isem li ġiet imtella’ fit-Teatru Astra fil-jiem ta’ Mejju li għadda taħt id-direzzjoni artistika ta’ Dr Sagona.   

Din l-inizzjattiva hija msawwra madwar l-identita’ ta’ Għawdex permezz tad-djalogi tal-Istorja tal-Arti u l-Arti Kontemporanja. Kienet maqsuma f’żewġ partijiet: il-konferenza fuq diversi aspetti tal-arti u l-arkitettura f’Għawdex bit-titlu The Artistic Legacy of Gozo, u wirja kollettiva estensiva ta’ arti kontemporanja bl-isem ta’ Alternative Perspectives li ġiet installata madwar it-Teatru Astra u l-foyer ġdid tiegħu.   

Huwa għalhekk li l-pubblikazzjoni l-ġdida hija maqsuma f’żewġ partijiet li jirriflettu ż-żewġ partijiet ta’ din l-inizzjattiva.  L-ewwel parti hija magħmula minn tmien studji fuq aspetti differenti tal-Arti f’Għawdex, miktuba minn studjużi diversi u li jittrattaw temi bħal pittura Barokka, l-Arkitettura Moderna, u l-Arti Dekorattiva fost oħrajn.  Diversi xogħolijiet tal-arti qed jiġu ppubblikati għall-ewwel darba.  It-tieni parti hija l-katalgu tal-wirja: 29 proġett ta’ arti kontemporanja dokumentati fl-ispazji li fih ġew installati, proġetti li kellhom l-għan li jirrelataw mar-realtajiet ta’ Għawdex bil-lingwa vibranti tal-prattika artistika kontemporanja.  Kull biċċa xogħol hija akkumpanjata minn deskrizzjoni analitika.   

Il-ktieb jinkorpora fih ukoll introduzzjoni miktuba minn Dr Sagona li tispjega l-kunċetti u t-temi trattati kemm mill-wirja kif ukoll mill-konferenza.  Il-ktieb ġie pubblikat bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti, fil-Fakulta’ tal-Arti, Universita’ ta’ Malta.  Kumitat xjentifiku, mmexxi mill-Professur Keith Sciberras mid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti, li jinkludi wkoll lill-Professur Maria Frendo mid-Dipartiment tal-Ingliż, lil Simone Azzopardi M.A. mid-Dipartiment tal-Istorja, u lil Dr Mark Sagona, mexxa x-xogħol fuq din il-publikazzjoni.   

Identity of an Island, Gozo: Art between Past and Present huwa l-isem tal-proġett li huwa parzjalment iffinanzjat taħt il-programm LEADER, imħaddan mill-Gozo Action Group, liema proġett gawda minn finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropeja, investiment privat, kif ukoll investiment mis-Soċjetà Filarmonika La Stella stess.  Partners f’dan il-proġett hemm is-Soċjetà Filarmonika La Stella, is-Sur Andrew Portelli u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.

Dettali tal-ktieb: qies: 230 x 270 mm, kopertina ratba, kollu bil-kulur, 184 paġna. 

331555558_2210168532704970_1963360920269931837_n