TLIET REKORDINGS FIX-XAHREJN LI ĠEJJIN
Il-banda ċittadina La Stella, wara l-impenji numerużi li kellha fil-ġimgħa Mqaddsa, kompliet għaddejja bil-preparazzjoni tagħha għall-impenji li jmiss. Minbarra s-servizz li l-banda għandha fil-jum liturġiku ta’ San Ġorġ Martri, il-banda qed tkompli tħejji ruħha għar-rekording tal-marċi brijużi tal-festa. Is-sett tal-festa jiġi rrekordjat ta’ kull sena u bla dubju din is-sena wkoll is-Soċjeta’ ser tniedi sett ieħor ta’ marċi mill-aqwa li jiġu mżanżna fil-jiem tal-festa ta’ San Ġorġ u jibqgħu jindaqqu matul is-sena fil-bosta servizzi li għandha l-banda kemm f’beltna kif ukoll fil-lokalitajiet l-oħra f’Għawdex.
Iżda din is-sena l-banda dieħla għal proġett ferm akbar minn dak tas-soltu. F’għeluq l-erbgħin sena minn meta l-Professur Joseph Vella ħa f’idejh il-banda tagħna, is-Soċjeta’ għażlet li toħroġ double album li jiġbor fih il-marċi brijużi kollha tal-istess surmast. Huwa proprju għalhekk li r-rekordings ser jinqassmu fi tlieta. Fl-ewwel żewġ rekordings ser jiġu rrekordjati l-marċi kollha tas-surmast Vella, filwaqt li r-rekording l-ieħor ser ikun dedikat għall-marċi brijużi tal-festa ta’ din is-sena.
Ir-rekordings ser isiru nhar il-Ħadd 25 ta’ April; il-Ħadd 9 ta’ Mejju u l-Ħadd 6 ta’ Ġunju. Il-banda matul dawn il-ġimgħat li ġejjin ser tkompli għaddejja bil-kunċerti preparatorji biex bħal dejjem tippreżentalna prodott mill-aqwa. Din id-darba l-ħidma ser tkun aktar mis-soltu għaliex in-numru ta’ marċi li ser jiġu rrekordjati huwa wieħed kbir. Għaldaqstant il-banda mhux ser taqta’ qalbha anzi, kull membru tagħha jinsab entużjast u motivat, biex bħal dejjem il-banda toħroġ bl-unuri!