Join Us On:

News Archive

TIBDA L-PREPARAZZJONI GĦALL-PROGRAMM TA’ ĠUNJU

L-istaġun tal-festi jinsab wara l-bieb. Fil-fatt nhar il-Ħadd 29 ta’ Mejju, ser tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pawl fir-raħal tal-Munxar, il-festa li tiftaħ l-istaġun tal-festi. Proprju f’din il-festa, il-banda tagħna ser tibda bl-impenji numerużi tagħha matul dawn it-tliet xhur li ġejjin. F’din il-festa, bħas-soltu, il-banda La Stella tiġi mistiedna biex tagħmel marċ qasir, iddoqq l-innu l-kbir waqt il-ħruġ tal-purċissjon u wara tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza tar-raħal, nhar il-festa. 

Wara din il-festa jkun imiss festa oħra, fir-raħal ċkejken tal-Għasri li jiċċelebra l-festa tal-Corpus nhar il-Ħadd 5 ta’ Ġunju. Hawn il-banda tieħu sehem fil-purċissjoni bl-istatwa tas-Salvatur madwar it-toroq ewlenin tar-raħal. 

Iżda minbarra l-impenji marbuta mal-festi Sajfin, il-banda tagħna fl-ewwel jiem ta’ Ġunju ser tkun impenjata wkoll b’żewġ servizzi oħra fil-belt Victoria. L-ewwel servizz ser ikun marċ brijuż il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju bħala parti mill-avveniment annwali ta’ Lejlet Lapsi 2011, mifrux fuq tlett ijiem bejn it-3 u l-5 ta’ Ġunju. Il-ġimgħa ta’ wara jkun imiss servizz ieħor li jikkonsisti fi programm mużikali fl-okkażjoni ta’ Jum il-belt Victoria –  nhar l-10 ta’ Ġunju. Għal dan il-programm mużikali l-banda qed tipprepara ruħha b’mod tajjeb ħafna, bħal dejjem biex ittella’ kunċert mużikali mill-aqwa ġewwa Pjazza Indipendenza. Aktar dettalji fuq dan il-kunċert mużikali fil-jiem li ġejjin.