SUĊĊESS GĦALL-BANDISTI ŻGĦAŻAGĦ TAGĦNA
Nhar is-Sibt 28 t’April, bandisti żgħażagħ tal-banda ‘La Stella’ tellgħu kunċert ta’ mużika jazz ġewwa l-Aula Mons. G. Farrugia, fil-bażilika ta’ San Ġorġ. Kien kunċert ta’ livell għoli ħafna, imfaħħar minn dawk kollha li attendew. Fost l-udjenza wieħed seta’ jinnota wkoll numru ta’ turisti li għoġobhom jattendu, u li żgur ħarġu sodisfatti wara din is-serata. Il-mużiċisti li ħadu sehem kienu Jonathan Brignoli, Genise Formosa, James Grima u Francis J. Borg. Dawn iż-żgħażagħ li kienu akkumpanjati fuq il-pjanu minn Dr. Maria Frendo, daqqew siltiet mill-aktar popolari, kompożizzjonijiet ta’ George Gershwin, Cecil Mack, Richard Rodgers, Thomas Waller u Jerome Kern – siltiet ta’ stil jazz mis-snin għoxrin u mis-snin tletin.
Dawn il-mużiċisti flimkien ma’ numru akbar ta’ żgħażagħ u tfal oħra, jattendu ta’ kull ġimgħa għal-lezzjonijiet li jsiru mill-għalliema tagħna, George Apap u Noel Beck. Din kienet inizzjattiva oħra, meħuda minn dawn l-għalliema, li żgur li ser tħalli l-frott fost dawn iż-żgħażagħ li huma l-futur ta’ din is-soċjetà mużikali. Lil dawn iż¬-żgħażagħ, qed nagħtuhom l-opportunità li barra li jdoqqu f’banda, jiksbu esperjenza kemm bħala solisti u anke biex idoqqu f’ensemble. Dan ma kienx l-ewwel kunċert li ttella’ mil-La Stella Youth Ensemble, u żgur li mhux ser ikun l-aħħar wieħed. Fil-fatt, nhar it-tmintax ta’ Ġunju 2007, bħala parti mill-Victoria International Arts Festival, il-La Stella Youth Ensemble ser ittella’ kunċert ieħor.
F’dawn iż-żminijiet wieħed irid japprezza aktar meta jara numru kbir ta’ tfal u żgħażagħ attivi fil-banda. Wieħed irid jirringrazzja lill-ġenituri ta’ dawn l-aljievi li dejjem juru interess f’uliedhom u jinkoraġġuhom fl-istudji mużikali tagħhom. Dawn it-tfal u żgħażagħ qed jagħmlu kuraġġ lilna lkoll biex nibnu għall-futur. Il-banda ‘La Stella’ dejjem tat kontribut siewi fil-qasam mużikali f’pajjiżna…għadha tagħmlu llum, u nemmnu bis-sħiħ li ser tibqa’ tagħmlu fil-futur.