SUĊĊESS GĦALL-PROF. JOSEPH VELLA FI NEW YORK
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tifraħ lill-Professur Joseph Vella, surmast direttur tal-banda fi ħdana, għas-suċċess li kiseb ġewwa New York f’dawn l-aħħar jiem bil-kunċert f’ St Patrick’s Cathedral. Quddiem udjenza ta’ aktar minn elfejn ruħ, in-New York Choral Society flimkien mal-orkestra, taħt id-direzzjoni ta’ David Hayes, interpretaw xogħolijiet importanti tal-Prof. Vella, partikolarment The Hyland Mass u xogħolijiet oħra bħal The True Face of God u Credo. Fl-aħħar tal-interpretazzjoni ċ-ċapċip tan-nies wera l-apprezzament tal-folla preżenti. Għal din is-serata kien preżenti wkoll il-Prim Ministru ta’ Malta l-Onor. Dr. Joseph Muscat.
Minn din il-paġna nifirħu mill-ġdid lis-Surmast Vella, li bix-xogħolijiet tiegħu għamel isem mhux biss f’ Malta imma wkoll fuq ix-xena internazzjonali. Huwa ta’ unur għalina l-partitarji u sostenituri tal-Banda La Stella, għaċ-ċittadini tal-Belt Victoria, ta’ Għawdex u Malta kollha.