STQARRIJA TAS-SOĊJETA’ FILARMONIKA LA STELLA
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Belt Victoria, li hi responsabbli għall-festi esterni ta’ San Ġorġ Martri skedati għal matul it-tielet ġimgħa ta’ Lulju, b’ dispjaċir qed ikollha tinforma lill-pubbliku li għall-festa li ġejja, l-armar ta’ Pjazzza Indipendenza, waħda mill-pjazez ewlenin fil-Belt Victoria, mhux ser ikun qed jintrama.
Dan hu kawża tad-dewmien ta’ proċessar ta’ applikazzjonj li saret lill-awtoritajiet konċernati mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria fi Frar ta’ din is-sena sabiex isir l-iżbir tas-siġar fi Pjazza Indipendenza. L-istat preżenti tas-siġar inkwistjoni qed jostakola spazji, li sa minn dejjem, kienu okkupati mill-armar jew apparat ieħor marbut mal-festa.
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella terġa’ tfakkar li l-festa ta’ San Ġorġ hi attività prinċipali fil-kalendarju tagħha, festa popolari fil-gżira, mhux biss għall-Għawdxin imma ukoll ma’ ħafna Maltin, u rikorrenza annwali li għandha konnotazzjoniet storiċi, soċjali, artistiċi u anke ekonomiċi għall-kommunità kummerċjali tal-gżira li għandhom jiġu innotati mill-awtoritajiet kompetenti fil-kunsiderazzjoni tal-interventi neċessarji li jridu jittieħdu b’ mod urġenti.