STILLA FI STILLA !
Wara li l-bieraħ il-Banda Ċittadina La Stella mexxiet il-marċ tradizzjonali ta’ lejliet il-festa, illum l-istess banda kellha takkumpanja l-purċissjoni solenni bl-istatwa artistika tal-Immakulata, pero’ minħabba l-maltemp il-purċissjoni ġiet posposta għal għada. Jekk għada t-temp jippermetti kollox isir fil-ħin li kien indikat għal-lum.
“Stilla fi stilla” jew “Stilla tal-Maltemp” kienu jsejħulha missirijietna lill-Immakulata u hekk għadha tissejjaħ sal-lum. L-Immakulata hija l-istilla qaddisa fl-istilla li hu Kristu. Hija l-istilla maħbuba fl-istilla li hi l-komunita’ Ġorġjana ta’ din il-belt. Hija l-istilla rebbieħa fl-istilla Kristjana li hi tabilħaqq il-gżira tagħna. Kien il-Papa Sistu IV, Franġiskan, li daħħal il-festa tal-Immakulata fil-Kalendarju Universali, propju fl-1477 fejn ħareġ Kostituzzjoni Appostolika Cum praecelsa li biha approva li t-tagħlim immakulatist jaqbel mal-fidi kattolika u estenda l-festa tal-Immakulata għall-Knisja kollha.
Il-bieraħ filgħaxija fil-Knisja ta’ San Franġisk fis-6.30pm kien hemm quddiesa solenni ppreseduta mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof Djoċesan, bis-sehem tal-Arċiprieti tar-Rabat, u l-kant waqt il-quddiesa tmexxa mill-Chorus Urbanus. Dalgħodu mbagħad fid-9.30am saret quddiesa solenni ta’ jum il-festa mmexxija mill-Arċipriet tal-Għarb, u l-kant kien immexxi mill-kor Laudate Pueri. Fil-Bażilika ta’ San Ġorġ dalgħodu saret ukoll konċelebrazzjoni solenni bis-sehem tal-Kapitlu u l-Kleru u l-kwadru tal-Kunċizzjoni fl-istess tempju kien mixgħul b’ħafna xemgħat, xiehda tad-devozzjoni u rabta minn dejjem li l-kommunità Ġorgjana għandha kemm mal-Kunċizzjoni u kemm mal-Franġiskani Konventwali.
Mhux ta’ b’xejn li madwar ras l-Immakulata naraw tnax –il stilla. F’dan il-jum ta’ festa għandna nifirħu ma’ ħutna l-Franġiskani Konventwali, għax illum hija l-festa tal-Kunċizzjoni, l-Istilla tal-art, tal-baħar u tas-sema, l-Istilla tal-lejl u nhar, il-festa tal-Istilla fi Stilla !