Join Us On:

News Archive

STAĠUN IMPENJATTIV GĦALL-BANDA “LA STELLA”

Nhar is-sibt li għadda ġewwa Għajnsielem wasal fi tmiemu staġun ieħor ferm impenjattiv għall-banda “La Stella”. Hekk kif intemmu l-festi marbuta mal-ġimgħa mqaddsa, il-banda kienet mistiedna ttella’ tliet programmi mużikali fi tliet okkażjonijiet separati li kienu l-festa liturġika ta’ San Ġorġ Martri, Jum l-Ewropa u Jum il-Belt Victoria. F’dawn it-tliet programmi f’inqas minn xahar, il-banda daqqet għażliet ta’ mużika differenti.

Fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju beda wkoll l-istaġun tal-festi, u fl-ewwel festa ċċelebrata f’Għawdex, dik ta’ San Pawl fil-Munxar, il-banda kienet mistiedna tagħmel marċ u programm mużikali fil-jum tal-festa. Barra minn hekk f’din il-festa l-banda daqqet ukoll l-innu l-kbir waqt il-ħruġ tal-purċissjoni. Wara l-festa tal-Munxar, kien imiss il-festa tas-Salvatur ġewwa l-Għasri fejn il-banda għamlet marċ u wara akkumpanjat il-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi. Fil-ġimgħa ta’ wara kellna żewġ servizzi oħra marbuta mal-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana, lejliet il-festa u nhar il-festa. F’lejlet il-festa l-banda għamlet marċ madwar it-toroq tal-Fontana u l-għada l-Ħadd, akkumpanjat il-purċissjoni. Fin-Nadur u Fix-Xewkija l-banda tagħna kienet mistiedna tieħu sehem f’żewġ marċi ferm popolari matul il-ġimgħa ta’ dawn il-festi. Fin-Nadur il-banda ħadet sehem fil-marċ ferm popolari ta’ lejlet il-festa, filwaqt li fix-Xewkija l-banda ħadet sehem f’marċ ieħor daqstant popolari fit-tieni jum tat-tridu.

Wara l-festa tax-Xewkija l-banda mbagħad kellha tmien servizzi marbuta mal-festa prinċipali ta’ beltna. Il-banda daqqet fil-marċ nhar il-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ; ħadet sehem fid-dimostrazzjoni b’San Ġorġ taż-Żiemel; fid-dimostrazzjoni b’San Ġorġ Rebbieħ; għamlet marċ ieħor is-Sibt filgħodu; il-marċ tat-translazzjoni; u l-marċ singolari ta’ lejlet il-festa. L-għada l-Ħadd jum il-festa, il-banda għamlet marċ qabel il-purċissjoni, daqqet l-innu l-kbir waqt il-ħruġ spettakolari ta’ l-istatwa u wara akkumpanjat il-purċissjoni. Il-banda għalqet il-festi kbar iċċelebrati f’beltna f’ġieh San Ġorġ, b’marċ brijuż, wara dħul il-purċissjoni.

Is-servizzi tal-banda ma waqfux hawn. Il-banda ħadet sehem ukoll fil-festa ta’ Santa Margerita f’Sannat, fejn għamlet marċ u programm mużikali f’nhar il-festa. Fil-Qala’, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, il-banda daqqet fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa. Fil-festa ta’ San Lawrenz, il-banda għal darb’oħra kellha żewġ servizzi, fejn għamlet marċ lejlet il-festa, u Programm mużikali nhar il-festa. L-aħħar servizz f’dan l-istaġun tal-festi, kien proprju f’Għajnsielem, fejn il-banda daqqet fil-marċ brijuż ta’ lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu.

Għal dawk li jħobbu l-istatistika, għandhom ikunu jafu li l-banda ħadet sehem f’għaxar festi minn ħmistax iċċelebrati f’Għawdex. Bla dubju dan in-numru kbir ta’ servizzi u ta’ stediniet barra beltna, juri biċ-ċar il-popolarità u l-istima li tgawdi l-banda ċittadina ‘La Stella’, l-ewwel banda ta’ gżiritna.

L-impenji tal-banda “La Stella” ma jiqfux hawn. Fil-fatt fil-ġimgħat li ġejjin tibda l-preparazzjoni għall-Programm Mużikali annwali ta’ Novembru u mbagħad ikun jonqos ukoll tliet servizzi oħra sa tmiem is-sena 2007; fil-festa ta’ Sant’ Indrija fil-Fontana; u żewġ servizzi marbuta mal-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni fil-belt Victoria.