Join Us On:

News Archive

STAĠUN FERM IMPENJATTIV GĦALL-BANDA LA STELLA

Hekk kif illum jagħlaq l-istaġun tal-festi f’Għawdex, bil-festa tal-Vitorja, xieraq li nagħtu ħarsa lejn l-impenji li kellha l-banda ċittadina La Stella matul dawn it-tliet xhur. Bla dubju kien staġun ieħor mill-aktar impenjattiv, anke meta wieħed iqis li l-banda tagħna ħadet sehem fi ħdax-il festa minn ħmistax iċċelebrati f’beltna u fl-irħula Għawdxin. F’dan l-artiklu llum ser noħorġu statistika li tiġbor fiha s-servizzi numerużi li għamlet il-banda dekana mill-Ħadd 31 ta’ Mejju sas-Sibt 29 ta’ Awwissu.

11
In-numru ta’ festi li ħadet sehem fihom il-banda La Stella. Il-festi kollha kienu dawn: San Pawl fil-Munxar; is-Salvatur fl-Għasri; il-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana; San Ġwann l-Għammiedi fix-Xewkija; San Pietru u San Pawl fin-Nadur; Santa Margerita f’ta’ Sannat; San Ġużepp fil-Qala’; San Lawrenz f’San Lawrenz; Santa Marija fiż-Żebbuġ; u l-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem. Ma’ dawn irridu nżidu ovvjament il-festa ta’ San Ġorġ Megalomartri – festa li ġġib magħha bosta impenji għas-Soċjetà tagħna, li f’idejha għandha l-organizzazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet esterni ta’ din il-festa l-kbira ta’ Għawdex.

13
In-numru ta’ servizzi li għamlet il-banda tagħna ‘l barra mill-belt Victoria. Il-banda La Stella ġiet mistiedna biex iddoqq f’għaxar festi fl-irħula Għawdxin, u fi tliet irħula l-banda għamlet aktar minn servizz wieħed. Fil-fatt fil-Fontana, fin-Nadur u f’San Lawrenz, il-banda ġiet mistiedna tagħmel żewġ servizzi fil-festi tagħhom.
 
8
In-numru ta’ servizzi li għamlet il-banda tagħna, fil-festi l-kbar iċċelebrati f’ġieħ il-patrun ta’ beltna San Ġorġ Megalomartri. Għalhekk b’kollox, il-banda La Stella għamlet xejn inqas minn 20 servizz fl-istaġun tal-festi 2009.
 
3
Fi tliet okkażjonijiet, il-banda La Stella esegwiet l-innu l-kbir waqt il-ħruġ tal-purċissjoni. Minbarra f’San Ġorġ, il-banda esegwiet l-innu l-kbir fil-festa ta’ San Pawl fil-Munxar, fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana u fil-festa ta’ San Lawrenz fir-raħal li jġib l-istess isem.
 
2
F’żewġ okkażjonijiet oħra barra l-festa ta’ San Ġorġ, il-banda akkumpanjat il-purċissjoni. Il-banda La Stella akkumpanjat bid-daqq ta’ marċi reliġjużi l-purċissjoni tas-Salvatur fl-Għasri u l-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana.
 
6
In-numru ta’ programmi mużikali li għamlet il-banda ċittadina La Stella fil-festi li fihom ġiet mistiedna ddoqq. Il-banda esegwiet programmi mużikali fil-Munxar; f’ta’ Sannat u f’San Lawrenz nhar il-festa; u fix-Xewkija; fiż-Żebbuġ u f’Għajnsielem lejlet il-festa. Kważi nofs is-servizzi li ġiet mistiedna tagħmel il-banda tagħna huma programmi – xhieda tal-isem kbir li tgawdi l-banda La Stella fejn jidħol dan it-tip ta’ servizzi. Il-banda onorat dawn is-servizzi bl-aħjar mod fejn esegwiet siltiet popolari li ġibdu l-interess ta’ bosta – siltiet li varjaw minn mużika operistika għal mużika minn musicals; ballets; u films; mużika pop u mużika mill-pinna ta’ kompożituri lokali.
 
4
F’erba’ okkażjonijiet, il-banda ġiet mistiedna tieħu sehem fil-marċi popolari ta’ lejlet il-festa. Il-banda daqqet f’dawn il-marċi fir-raħal tal-Fontana; fin-Nadur; fil-Qala’ u f’San Lawrenz. Fin-Nadur, il-banda ħadet sehem ukoll f’dimostrazzjoni mill-aktar popolari fit-tieni jum tridu.
 
 
B’hekk tajna ħarsa lejn is-servizzi kollha li għamlet il-banda ċittadina La Stella matul l-istaġun tal-festi 2009 – staġun ieħor mill-aktar impenjattiv xhieda tal-popolarità u l-isem kbir li tgawdi l-banda La Stella – omm il-baned Għawdxin.