SPETTAKLU ĠORĠJAN FIT-TEATRU ASTRA
Fit-Teatru Astra, f’dawn il-ġranet jinsabu għaddejjin ġmielhom l-aħħar preparamenti għall-ispettaklu ta’ żfin, drama u mużika – Ġorġi Tagħna, ftit ġranet qabel il-festa liturġika ta’ San Ġorġ nhar it-23 ta’ April. Ġorgi Tagħna, produzzjoni ta’ l-Għaqda ta’ l-Armar tas-Soċjetà La Stella ser tiġbor fuq il-palk tat-Teatru Astra numru kbir ta’ tfal, żgħażagħ u atturi stabbiliti li mistennija jtellgħu spettaklu memorabbli għal dawk kollha preżenti. Id-direzzjoni tal-produzzjoni hi f’idejn Antonella Zammit.
Il-pubbliku għandu jistenna spettaklu mżewwaq u ispirat kollhu kemm hu minn San Ġorġ, li jinkludi koreografija, żfin u kant minn għadd ta’ tfal, adolexxenti u żgħażagħ, kif ukoll qari ta’ letteratura Ġorġjana. Il-produzzjoni tilħaq il-qofol tagħha permezz ta’ rappreżentazzjoni drammatika mill-ħajja ta’ San Ġorġ bit-tema Ħareġ rebbieħ biex jirbaħ, kitba tal-mibki iżda qatt minsi l-Arċipriet Mons. Salv Borg.
Ġorġi Tagħna sa tkun tassew festa Ġorġjana ta’ ferħ f’ġieħ San Ġorġ, li għaliha għandhom jattendu bi ħġarhom dawk kollha li jħobbuh. Il-biljetti jiswew €7.00 u l-booking jista’ jsir mit-Teatru Astra, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, jew billi wieħed iċempel fuq 99 021 591.