SKEMA TA’ TISĦIB FL-GĦAQDA TAL-ARMAR
L-Għaqda tal-Armar tal-festa ta’ San Ġorġ fi ħdan is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella għadha kemm nediet skema ta’ tisħib għal din is-sena permezz ta’ ktejjeb sabiħ u attraenti li tqassam mal-bulettin tal-Milied tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Din l-iskema hija maħsuba sabiex tkun ta’ sostenn finanzjarju b’riżq il-festa ta’ San Ġorġ u l-proġetti kbar li l-Għaqda tal-Armar varat għal dan l-avveniment annwali li mhux darba jew tnejn ġie deskritt minn ħafna bħala “l-aktar popolari tal-gżira”. Imma mhux biss dan. L-iskop ta’ din l-iskema huwa wkoll li jiġbor il-membri kollha tal-familja Ġorġjana fi gżiritna u minn żmien għal żmien jiġu aġġornati bl-attivitajiet li jkunu qed jiġu organiżżati mis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella matul is-sena u anke jiġu mħeġġa sabiex ikollhom sehem attiv fihom.
Barra minn hekk, permezz ta’ din l-iskema, l-imsieħba jkollhom ukoll sehem fis-sodisfazzjon li ġġib magħha ħidmet l-Għaqda tal-Armar, bil-proġetti u l-opri artistiċi kbar li twettaq u li jiġu esposti bħal f’vetrina rikka fil-jiem kbar ta’ Lulju. Minbarra l-proġett tal-planċier il-ġdid ta’ Pjazza San Ġorġ – li din is-sena jidħol f’fażi oħra tiegħu – l-Għaqda tal-Armar varat proġett ieħor li jinvolvi ħidma mill-aktar delikata u spejjeż konsiderevoli; r-restawr tal-pedestall monumentali tal-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ li jintrama fit-Tokk. Barra minn dawn, hemm opri ġodda oħrajn li lkoll nittamaw li narawhom imżanżna f’Lulju li ġej.
Dawn huma l-iskopijiet ewlenin ta’ din l-iskema. Il-partitarji tal-Istilla, il-Ġorġjani kollha huma mħeġġa jingħaqdu f’din l-iskema ta’ tisħib. Kull ma għandu jagħmel kull min hu interessat huwa li jgħaddi d-dettalji personali tiegħu, jiġifieri l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon jew mobile, lil xi membru tal-kumitat tal-Għaqda tal-Armar jew fil-bar tal-Astra, flimkien mal-miżata ta’ €12.00. Fi żmien ftit jiem, imbagħad, jirċievi membership card sabiħa personaliżżata. Matul dan it-tmiem il-ġimgħa għandha titwaħħal fin-notice board tal-każin l-ewwel lista ta’ membri li diġa ngħaqdu f’din l-iskema. J’Alla lkoll nieħdu l-eżempju tagħhom.