Join Us On:

News Archive

SERATA KOMMEMORATTIVA F’GĦELUQ IL-175 SENA TAL-ISTATWA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI LI NAQQAX FL-INJAM L-ISKULTUR SALVATORE PSAILA

 

F’għeluq il-175 sena tal-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni li naqqax fl-injam l-Iskultur Salvatore Psaila għall-Fratellanza tagħha mwaqqfa fil-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Konventwali f’din il-Belt Victoria, ġiet imtellgħa serata kommemorattiva fil-Knisja ta’ San Franġisk, taħt il-patroċinju tas-Sur Anton Tabone, nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru 2022 fis-7.30 pm, sabiex titfakkar din ir-rikorrenza. Wisq kommoventi kien id-diskors tal-ftuħ tas-Sur Tabone li ħeġġeġ biex l-Immakulata tibqa’ ħajja fostna, huwa li huwa marbut ferm ma’ din il-festa sa mill-għeruq.

Tul is-serata saru tliet diskorsi ewlenin.  Is-Sur Anthony Farrugia, fl-ewwel taqsima, damm il-ġrajja tal-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, minn kif inħasbet sat-temma tagħha, u kif din hija mżewwqa mal-ġrajja tal-istatwa ta’ San Ġorġ, liema żewġ statwi jagħmlu ġieħ kbir lil din il-Belt Victoria f’diskors: L-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni li naqqax fl-injam l-Iskultur Salvatore Psaila: mill-bidu sat-temma tagħha (1836-1847).

Fit-tieni taqsima, id-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti, il-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta tkellem fuq l-aspett artistiku tal-istatwa, b’żewġ diskorsi magħmula; wieħed mill-Kap tagħha, Dr Mark Sagona u l-ieħor minn Francesca Attard, kandidata tal-M.A. fl-istess fakultà, li rispettivament trattaw: Il-kuntest artistiku Malti għax-xogħlijiet tal-iskultur Salvatore Psaila (1798 – 1871) u Salvatore Psaila (1798 – 1871): il-kurrenti artistiċi fl-istatwi tiegħu.

Il-Kanonku Geoffrey George Attard, fit-tielet taqsima, fisser il-qrubija li hemm bejn il-festa tal-Kunċizzjoni u s-Soċjetà La Stella fid-diskors tiegħu intitolat: Stilla fi Stilla: Il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni tar-Rabat ta’ Għawdex u r-rabta tagħha mal-Banda La Stella.

Is-serata ġiet ippreżentata min-Nutar Paul George Pisani li matulha qara ukoll traduzzjoni libera tal-kuntratt tal-kummissjoni tal-istatwa li kien ġie magħmul quddiem in-Nutar Antonio Saliba, nhar is-16 ta’ April 1837.   Shaniah Portelli kantat Lilek Omm Alla ta’ Dun Karm, akkumpanjata fuq il-pjanu mis-Sinjura Mariella Spiteri Cefai li b’sorpriża għall-miġemgħa, is-Sinjura Cefai esegwiet ukoll fil-lingwa Maltija l-innu Mater Jubilae, xogħol ta’ Schiavazzi u Melone, maqlub għall-Malti mis-Sur Francesco Pio Attard.

Wara kien hemm messaġġ mill-Gwardjan jevoka l-qdusija minn dawn id-diskorsi, fil-waqt li s-serata ġiet fi tmiemha b’diskors ta’ għeluq mill-Provinċjal Patri Colin Sammut li fih ħeġġeġ li din l-istatwa għandha tkunilna l-bieb għas-sema.

Il-ħajr lis-Sur Ġorġ Mizzi li dderieġa din il-lejla u lil Ulied l-Immakulata li minn rajhom u minn buthom fakkru din il-ġrajja ta’ ġieħ.

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, li lil din il-festa tgħożżha bis-sħiħ, hekk li b’isimha stess issellem u tagħti ġieħ lil din l-Istilla Rebbiħija, newwlet idha għal kulma kien meħtieġ u għenet sal-aħħar sabiex din l-okkażjoni rnexxiet tassew sabiħa.

Wieħed jista’ jerġa’ jsegwi s-serata fuq:

Link tas-serata

318299826_578672577595340_4223196036620310987_n

318243591_578672910928640_1325945702993617750_n