SERATA UNIKA MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA
Lestu ruħkom għal serata affaxinanti ta’ mużika klassika hekk kif is-Soċjetà Filarmonika La Stella bi pjaċir tippreżenta “The Best of James Bond”, kunċert uniku li jdaħħal l-udjenza fid-dinja ikonika ta’ James Bond. Bla dubju twiegħed, li se tkun lejla indimentikabbli għal dawk l-ammiraturi kollha ta’ dan l-aġent sigriet u anki għal dawk li jħobbu mużika simili.
“The Best of James Bond” se tkun wirja tat-talent straordinarju tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, taħt id-direzzjoni tal-Mro John Galea. L-udjenza ser tiġi ttrasportatha fid-dinja ta’ James Bond, hekk kif l-orkestera tesegwixxi ftit mill-aktar mużika memorabbli mid-dinja ta’ 007.
Siltiet mużikali ewlenin tas-serata se jinkludu rendizzjonijiet klassiċi ta’ James Bond bħal “No time to die”, “Goldfinger”, “Skyfall”, “Diamonds are Forever”, “Dr No”, “Casino Royale”, u ħafna aktar. L-udjenza se tiġi msaħħra mill-ħoss rikk u b’saħħtu tal-banda tagħna li tagħti ħajja lil dawn il-kompożizzjonijiet.
Minbarra l-ispettaklu mużikali, il-kunċert se jinkludi wkoll kantanti distinti, kif ukoll il-Kor Piccole Stelle tat-Teatru Astra (taħt id-direzzjoni tas-Sa Sylvana Attard), li flimkien, għandhom jissorprendu lill-folla bil-prestazzjoni tagħhom tal-kanzunetti ikoniċi ta’ Bond. Bla dubju ta’ xejn, dan il-kunċert se jservi bħala esperjenza pjaċevoli, waqt li joffri perspettiva unika dwar il-mużika li saret parti integrali mill-wirt ta’ Bond.
Il-kunċert, li se jikkonkludi l-20 edizzjoni tal-Festival Mediterranea se jsir fit-Teatru Astra nhar il-Ħadd, 19 ta’ Novembru fit-20.00.
Premium seats, li jinkludu l-palketti u postijiet oħra fl-awditorju huma disponibbli għal donazzjoni ta’ €20 u €15 rispettivament u jistgħu jinkisbu faċilment onlajn fuq https://teatruastra.org.mt/events/2023/the-best-of-james-bond.
Ir-reġistrazzjoni għall-biljetti b’xejn tista’ ssir onlajn ukoll fuq https://bit.ly/JamesBondinConcert.
It-tesserati ta’ Teatru Astra, kif ukoll tas-Soċjetà Filarmonika La Stella se jkollhom postijiet b’xejn allokati għalihom. Il-biljetti elettroniċi jiġu mibgħuta fiż-żmien li ġej.
Dan l-avveniment qed jiġi finanzjat mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
