SEHEM IS-SOPRAN MIRIAM CAUCHI FL-OPRA OTELLO
It-Teatru Astra għandu l-pjaċir iħabbar li fl-opra Otello, li se tittella’ f’Għawdex fl-24 u s-26 ta’ Ottubru 2013, se tieħu sehem is-sopran Maltija Miriam Cauchi. Din se tkun is-seba’ darba li Cauchi qed tkanta fit-Teatru Astra. Fl-aħħar snin hi interpretat b’mod eċċellenti r-rwoli ta’ Oscar (Ballo in Maschera), Suor Angelica, Nedda (Pagliacci), Liù (Turandot), Gilda (Rigoletto) u Violetta (La Traviata). Kull darba li Cauchi ħadet sehem, hi rċeviet kummenti tajbin ħafna kemm mill-medja lokali u kemm minn dik internazzjonali. Naturalment wieħed jistenna li fil-preżentazzjoni li jmiss fil-parti ta’ Desdemona jerġa’ jkollha suċċess ieħor kbir li jibqa’ jitfakkar fl-istorja tat-Teatru Astra kif ukoll fil-karriera personali tagħha.
Il-management tat-Teatru Astra minn dejjem ta kontribut kbir biex jiġi promoss it-talent lokali. Ta’ min isemmi li meta f’Mejju 1997 laqa’ l-parir tad-direttur artistiku l-Professur Joseph Vella biex jingaġġa tenur Malti, li sa dakinhar kien għadu ftit li xejn magħruf, għall-opra Macbeth, kien qiegħed appuntu jitfa’ fix-xena operistika lil Joseph Calleja, li llum huwa wieħed mill-aqwa tenuri fid-dinja tal-opra lirika u l-mużika klassika.
Minn meta dehret l-ewwel darba fil-parti ta’ Oscar fl-2002, Miriam Cauchi baqgħet tavvanza kemm f’Malta u kemm barra minn Malta, fejn laħqet livelli mużikali għolja immens.
(Ritratti – Joe Attard)