Join Us On:

News Archive

SEHEM IL-BANDA ĦAMSIN SENA ILU

Hemm xi ġrajjiet fl-istorja glorjuża tas-Soċjetà La Stella, l-ewwel soċjetà mużikali Għawdxija, li qatt ma jistgħu jintesew. Waħda minnhom hi dik li seħħet ħamsin sena ilu bħal-lum, il-Ħadd 11 ta’ Jannar. Wara l-mewt tal-papa Piju XII f’Ottubru 1958, il-festi li kellhom isiru fl-okkażjoni tal-wasla tad-dinjità l-ġdida ta’ bażilika lill-knisja protoparrokkjali ta’ San Ġorġ ġew postposti għal iktar tard, u kellhom jaslu l-jiem ta’ l-10 u l-11 ta’ Jannar 1959 biex fil-belt Victoria jsiru festi xierqa. Il-bażilika ta’ San Ġorġ, li magħha s-Soċjetà La Stella sa mill-bidu għożżot rabta li ma tinħallx, kienet l-ewwel parroċċa f’Għawdex li kisbet dan il-ġieħ minn Ruma. U għalhekk il-banda ħassitha fid-dmir li tingħaqad mal-komunità parrokkjali Ġorġjana biex tifraħ fl-għoti ta’ dan it-titlu prestiġjuż li kompla għolla l-ġieħ tal-“parroċċa ta’ Għawdex”, jekk kien hemm bżonn li xi ħadd jgħollilha ġieħha!
 
Il-lum, ħamsin sena wara, il-11 ta’ Jannar reġa’ l-Ħadd, bħal dak in-nhar ta’ l-1959. Dak in-nhar fit-3.00pm sar Għasar solenni fil-bażilika l-“ġdida”, imżejna għall-okkażjoni bl-isbaħ ġmiel, u fit-3.30pm l-isqof ta’ Għawdex Mons. Ġużeppi Pace ġie milqugħ fil-knisja biex imexxi funzjoni speċjali. Parruċċan denn ta’ San Ġorġ, Pace kien għaraf is-sinjali ta’ żmienu u ħabrek kemm felaħ, flimkien ma’ l-arċipriet Cefai, biex San Ġorġ jieħu dak li ħaqqu wara kważi tliet mitt sena ta’ tbatija imposta fuqu bl-unjoni bejn iż-żewġ parroċċi tar-Rabat. Kellu jagħtuh is-sostenn sħiħ tagħhom f’din l-impriża nobbli imma xejn ħafifa wħud mill-membri ewlenin tas-Soċjetà La Stella, li qiegħdu dejjem fl-ewwel interess tagħhom il-ġid tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. 
 
Preżenti għal dik iċ-ċelebrazzjoni straordinarja fil-bażilika kien hemm ukoll il-Kanċillier tal-Kurja ta’ l-Isqof, Mons. Guglielmo Grima, li qara b’solennità liema bħalha d-digriet tal-bażilika, Merito dilaudatur templum, iffirmat bi kmand speċjali tal-Papa nnifsu fis-6 ta’ Settembru 1958, f’Castel Gandolfo. Mons. Cefai, li lilu kien mess iktar kmieni, sewwa sew nhar il-5 ta’ Ottubru 1958, li jħabbar lill-miġemgħa l-wasla ta’ dan it-titlu, għamel diskors imqanqal ta’ l-okkażjoni. Fi tmiem il-funzjoni qasira tkantat l-Antifona ta’ San Ġorġ, u warajha t-Te Deum b’radd il-ħajr lil Alla għall-privileġġ mogħti lill-parroċċa, biex fl-aħħar l-isqof Pace ta l-barka sagramentali. Fil-bażilika kien hemm esposta għall-qima wkoll l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ, protettur ta’ l-Għawdxin, bħal kif isir fil-jiem tal-festa. Għax tassew, għall-Ġorġjani dawn il-ġrajjiet kienu bħall-jiem sbieħ ta’ Lulju!
 
Fuq barra wkoll, imma, l-banda ċittadina La Stella esegwiet programm mużikali fi Pjazza Indipendenza, jew it-Tokk kif nafuh aħna, fejn il-Ħadd fil-għaxija, eżatt wara l-funzjonijiet fil-bażilika, folla mdaqqsa ta’ nies attendiet bi ħġarha. Il-jum ta’ qabel, is-Sibt 10 ta’ Jannar 1959, fil-5.30pm, il-banda kienet diġà esegwiet kunċert vokali-strumentali fl-Oratorju Don Bosco, taħt it-tmexxija tad-direttur mużikali tagħha Mro Edgar Lowell. Il-programm sar taħt il-patroċinju ta’ l-isqof Mons. Ġużeppi Pace, u fih sar diskors kommemorattiv mis-Sur Ġużè Cefai LP, president tas-Soċjetà La Stella. Fil-kunċert ħadu sehem is-sopran Hilda Tabone, il-baritonu John Spiteri, it-tenuri John Lopez u Nazzareno Refalo, u ndaqq programm ħelu b’bosta siltiet klassiċi ta’ Schubert, Puccini, Giordano, Wagner u Mascagni. Ħa sehem ukoll il-kor tat-tfajliet li fil-bidu kanta l-Innu Popolari “San Ġorġ” ta’ Ciappara u għalaq bl-eżekuzzjoni ta’ l-innu l-kbir A San Giorgio Martire tal-Giardini, li tiegħu ndaqqu wkoll xogħlijiet oħra. ’L għada l-Ħadd, fis-1.15pm, dan il-kunċert ixxandar mill-ġdid fuq ir-Rediffusion.
 
B’dawn iż-żewġ programmi l-banda La Stella għaqqdet leħinha ma’ dak tal-qniepen melodjużi tal-bażilika biex ferħet bl-aħbar sabiħa li “San Ġorġ sar bażilika”. Tassew li kienu għaddew iktar minn xahrejn minn mindu l-bxara xterdet b’ħeffa kbira mal-gżira Għawdxija, imma fuq wiċċ il-Ġorġjani kienet għadha friska t-tbissima mlewna ta’ hena għal dak li huma raw bħala ġieħ tassew mistħoqq u mistenni. Is-sentimenti tagħhom ta’ ferħ kienu msaħħin mill-istess kelmiet tal-Vigarju ta’ Kristu, li fil-brevi tas-6 ta’ Settembru sejjaħ bla ħabi lill-bażilika ta’ San Ġorġ “spettaklu ta’ fidi u ta’ ħajja mkebbsa, glorja tagħni ta’ ġieħ mill-ikbar li ma jista’ jiċħadha ħadd”.
 
Leħen il-Belt Vittorja, l-organu uffiċjali tas-Soċjetà, li dak iż-żmien kien joħroġ f’forma u daqs ta’ gazzetta, xandar ukoll l-aħbar sabiħa permezz ta’ edizzjoni speċjali – dik ta’ Diċembru 1958-Jannar 1959 – b’artikli u aħbarijiet marbuta mal-bażilika l-ġdida. Għall-okkażjoni, il-poetessa Għawdxija Mary Meylak kitbet poeżija ħelwa bl-isem Il-Bażilika ta’ San Ġorġ.
 
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella l-lum tħares lura lejn dawk il-festi sbieħ ta’ ħamsin sena ilu bħal-lum, u mhux biss tfakkar bi gratitudni imma tifraħ mill-ġdid fl-għaqda glorjuża tagħha mal-komunità parrokkjali Ġorġjana, li lilha taf it-tnissil tagħha u bi kburija tħossha l-ħarriesa naturali tagħha. Forsi lanqas hi kumbinazzjoni li kien ukoll bħal-lum, 11 ta’ Jannar, li 128 sena ilu ġie ffirmat il-kuntratt legali li bih twaqqfet uffiċjalment is-Soċjetà Filarmonika La Stella. F’dawn is-snin kollha s-Soċjetà ma waqfitx għal waqt wieħed twettaq dmirha ta’ għalliema u fl-istess ħin qaddejja ta’ l-ogħla oqsma kulturali ta’ gżiritna. Imma tibqa’ dejjem tqisha bħala vokazzjoni ewlenija tagħha dik li tħares l-interessi tal-bażilika ta’ San Ġorġ, dan it-tempju dinjituż li b’ġieħ lilu l-lum, ma’ Mary Meylak, tistqarr:
 
“Ksibt it-titlu ta’ Bażil’ka
għax tal-knejjes int Reġina,
imma li kien hawn grad ogħla
dan it-titlu għad jiġina.
 
Għax għad tkun Bażil’ka ġġennen,
tkun bażil’ka meravilja,
għax jgħidu: ‘San Ġorġ t’Għawdex
għaġġeb ’l artu, għaġġeb dinja!’.
 
U l-Bażil’ka għad nagħmluha
ġenna fl-art ta’ ġmiel u għana,
għax San Ġorġ mimmi t’għajnejna,
għax San Ġorġ huwa l-qalb tagħna!”.