Join Us On:

News Archive

SAN ĠORĠ – IL-FESTA T’GĦAWDEX

Il-Belt Victoria kompliet biċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-festa l-kbira ta’ l-Għawdxin, il-festa ta’ San Ġorġ, festa li tiġbed lejha eluf ta’ Rabtin kif ukoll mijiet li jiġu jingħaqdu magħna minn kull raħal f’Għawdex, u anke bosta emigranti. Jum it-Tnejn 23 ta’ April kien ikkaratterizzat bi xmara ta’ nies li matul il-jum kollu marru jżuru t-tempju Ġorġjan sabiex jagħtu qima lil San Ġorġ, patrun u protettur tal-gżira Għawdxija.

Wara l-kant ta’ l-Għasar ġie ċċelebrat pontifical solenni mmexxi mill-E. T. Mons Isqof Nikol Ċauċhi, Dekan Emeritus tal-Kolleġjata Ġorġjana assistit mill-Kapitlu u kleru ta’ San Ġorġ. Il-kant per eċċellenza tal-kor residenti Laudate Pueri flimkien ma’ l-orkestra taħt it-tmexxija tas-surmast il-Prof. Joseph Vella komplew jgħollu din iċ-ċerimonja ewlenija għal festa Ġorġjana.

Intant qabel u wara l-pontifikal bosta ġorġjani żaru s-sagristija l-kbira tal-bażilika sabiex jaraw statwa ġdida ta’ San Ġorġ (kopja ta’ dik meqjuma fil-bażilika), statwa tabilħaqq meraviljuża maħduma mill-artist Għawdxi Pawlu Aquilina. Din l-istatwa saret fuq inizjattiva tas-sur John George Borg, Ġorġjan Kanadiż li flimkien ma’ ħuh il-Kan. Dun Ġużepp Borg ser joħduha l-Canada sabiex hemm tibda tintuża fil-festa ta’ San Ġorġ. Issa mela San Ġorġ tagħna ser ikun espost ukoll fil-Canada permezz ta’ din ix-xbieha mill-isbaħ.

Kif appena spiċċa l-pontifikal il-folla sabet postha fi Pjazza San Ġorġ fejn hemmhekk tat merħba lil din l-istatwa ġdida ta’ San Ġorġ. Imbagħad ingħata bidu għal kunċert mużikali mill-Banda ‘La Stella’ li għal darb’ohra kien immexxi abilment mis-Surmast Joseph Vella. Proprju f’dan il-programm ġie kkommemorat il-125 anniversarju minn meta s-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ ħadet f’idejha l-festi esterni f’ġieh San Ġorġ Martri, iċċelebrati fil-belt Victoria. Il-programm kien wieħed tassew varjat b’selezzjoni ta’ mużika klassika mħallta ma’ siltiet kontemporanji, siltiet mużikali li ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-pubbliku preżenti.

Diversi kienu l-mistednin li attendew għal dan il-kunċert fosthom is-Sindku tal-Belt Victoria u s-sinjura Tabone, is-sinjura M. Tabone, mart l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Mons. Arċipriet Ġużeppi Farrugia, Mons Salv Borg, Kappillan tal-Banda ‘La Stella’, il-President tas-Soċjeta’ Dr. Joseph Grech flimkien ma’ diversi uffiċċjali tas-Soċjetà ‘La Stella’.

Il-programm mużikali fetaħ bid-daqq ta’ l-innu ‘La Stella’, kompożizzjoni ta’ Mro G. Giardini Vella. L-ewwel silta mużikali li daqqet il-banda, li kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Vella, kienet il-Marcia “Stelle d’Italia” tal-kompożitur G. Parisi. Wara kien imiss selezzjoni mill-opra “Jone” tal-kompożitur Palermitan Errico Petrella, miktuba fis-sena 1858. F’din is-selezzjoni operistika, li ħafna jafuha wkoll bħala “L’Ultimo giorno di Pompei”, daqqew bħala solisti Michel Refalo fuq il-kurunetta u Anton Sacco fuq l-Ewfonju. Minn silta operistika għaddejna għal biċċa mużika aktar kontemporanja: “Tom Jones in Concert” b’diversi siltiet mis-snin sittin u sebgħin ta’ dan il-kantant famuż, fosthom: Love me tonight; Green green grass of home; Without Love; Delilah; u Help yourself. Kien imiss imbagħad silta oħra mill-isbaħ meħuda mis-soundtrack tal-film famuż “Pirates of the Carribean” fuq kompożizzjoni ta’ Klaus Badelt. Ma setatx tonqos kompożizzjoni tas-surmast direttur tal-banda tagħna il-Prof. Joseph Vella. Għal din l-okkażjoni ġiet magħżula s-silta mużikali “Omaggio”. Il-programm mużikali ġie fi tmiemu bid-daqq ta’ l-Innu “A San Giorgio Martire” xogħol immortali ta’ Mro G. Giardini Vella.

Wara l-esukuzzjoni ta’ l-Innu l-Kbir, tkompliet iċ-ċerimonja billi l-Arċipriet Mons. Ġużeppi Farrugia bierek l-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ fost id-daqq tal-qniepen u ferħ tal-folla preżenti. Dawn kienu verament mumenti emozzjonali, mumenti ta’ ferħ kbir għalina l-Ġorġjani, imma fuq kollox għall-aħwa Borg li tant stinkaw sabiex din il-ħolma ta’ l-istatwa il-ġdida għall-Kanada ssir realtà.

Hekk kif spiċċat din iċ-ċerimonja simbolika ngħata bidu għal marċ qasir mill-pjazza tal-bazilika sal-Każin ‘La Stella’ akkumpanjat mill-istatwa ġdida ta’ San Ġorġ. Il-banda u l-istatwa kienu akkumpanjati b’ċapċip u kant ta’ innijiet Ġorġjani matul it-triq kollha. U mbagħad hekk kif kulħadd wasal quddiem il-każin indaqq mill-ġdid l-innu marċ fejn hemmhekk l-istess banda flimkien ma’ l-istatwa baqgħu deħlin fil-foyer tal-każin.

Finalment, il-bandisti nġabru sabiex anke jittieħdu ritratti ta’ tifkira madwar l-istatwa ġdida ta’ San Ġorġ. Wara kulħadd kien mistieden għal riċeviment fil-każin.