SAN ĠORĠ REBBIEĦ
“Su garzoni all’invitto campione
mova ardita la sacra canzone,
Su cantate del Grande l’imprese
che difese di Cristo l’onor.”
Il-bieraħ ġie fi tmiemu t-Tridu li din is-sena kien fdat f’idejn Dun Roberto Gauci fejn wasslilna ħafna tagħlim fuq San Ġorġ u fuq il-fidi tagħna. Dritt wara l-Banda Ċittadina u Dekana La Stella sabet postha fuq il-planċier fi Pjazza San Ġorġ fejn flimkien mal-kor ġie eżegwit l-Ewwel Innu l-Kbir ta’ Għawdex Su Garzoni (1894), versi u mużika ta’ Mons. Giuseppe Farrugia (1852-1925). Il-Banda kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur il-Prof. Joseph Vella.
Wara, għal xi d-9.30pm bdiet id-dimostrazzjoni grandjuża bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ (1894), kapulavur ta’ Vincenzo Cremona u l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex. Il-Banda tagħna mexxiet id-dimostrazzjoni mat-toroq ewlenin bis-sehem tal-Banda Prekursur tax-Xewkija.