Join Us On:

News Archive

ROCKASTRA … SUĊĊESS FENOMENALI !

Ir-raba’ edizzjoni ta’ RockAstra kienet suċċess bla ebda riservi.  Kif jgħidu, il-jum minn filgħodu jurik u hekk ġara l-bieraħ meta waqt is-sound check tal-mużiċisti u l-kantanti li sar xi siegħa u nofs qabel beda l-kunċert, kien diġa hemm numru ta’ siġġijiet meħudin. Il-ġemgħa li ħonqot Triq ir-Repubblika kienet vuċi waħda: “spettaklu u mużika mill-aqwa”.

Dan kollu naturalment ma jsirx mingħajr xogħol u preparazzjoni.  Is-siegħa u nofs kunċert ikollu warajh ħafna sigħat ta’ dedikazzjoni kemm min-naħa ta’dawk kollha li jidhru fuq il-palk u kemm dawk li jaħdmu minn wara l-hekk imsejħa ‘kwinti’.  Il-bieraħ dan l-isforz issarraf f’kunċert spettakolari li jagħmel ġieħ mhux biss lill-Banda Ċittadina La Stella, imma wkoll lill-Belt Victoria u lil Għawdex.  Aħna kburin li konna protagonisti biex inkomplu ngħollu l-livell kulturali u artistiku ta’ gżiritna.  Wara l-impenji bla heda fil-festi tal- Għid, komplejna bla nifs biex intellgħu b’suċċess kbir il-musical Grease u minn hemm ħdimna bla waqfien għal dan il-kunċert.

Minn din il-paġna nixtiequ nirringrazzjaw lis-Surmast Sigmund Mifsud li mexxa b’enerġija u dedikazzjoni dan il-kunċert, lill-bandisti u l-mużiċisti tar-rhythmic section, il-kantanti bravissimi li kellna – Kevin Borg, Lara Dimech, Fabian Galea, Ruth Portelli, Remy Azzopardi u Gabriella Azzopardi, il-preżentatur John Bundy, lill-Kor Piccole Stelle u lid-direttriċi tiegħu Mariella Spiteri Cefai u liż-żeffiena .  Grazzi ukoll lil dawk li ħadu ħsieb l-armar tas-sett, id-dwal, is-sound, il-fotografija u l-video. Prosit tassew ukoll lil dawk fl-amministrazzjoni u l-loġistika, reklamar u  disinni tal-grafika.  Ma jistax jonqos li ngħidu grazzi lill-isponsors kollha u lill-membri distinti li onorawna bil-preżenza tagħhom, fostom il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Dr. Anton Refalo, l-Onor Dr. Chris Said, is-Sindku tal-Belt Victoria, is-Sur Josef Schembri u l-membri tal-kunsill, fostom is-Sindku preċedenti Dr. Samuel Azzopardi u lilkom, li bil-preżenza numeruża tagħkom tajtuna l-akbar konferma li dak li qed nagħmlu huwa ta’ livell għoli ħafna … Grazzi mill-ġdid !

Wara dan kollu il-Banda Ċittadina La Stella ma tieqafx ! Fi ftit jiem oħra l-banda ħa tkun qed tirrekordja sett ta’marċi brijużi ġdid, it-tieni wieħed għal din is-sena wara li aktar kmieni ħriġna ieħor b’dawk funebri.  Imbagħad inkomplu bis-sehem tagħna fil-festi tas-sajf, il-Qalb ta’ Ġesu fil-Fontana, San Ġwann Battista fix-Xewkija u San Pietru u San Pawl fin-Nadur.

Nota: L-ebda ritratt ma jista’ jiġi riprodott jew użat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-fotografi u tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.

(Ritratti: Joe Attard)

(Ritratti: Toni Farrugia)

(Ritratti: Tonio Schembri)