RITORN MILL-AQWA TA’ RIGOLETTO FIT-TEATRU ASTRA
L-opra Rigoletto, fit-Teatru Astra, produzzjoni li kellha żewġ rappreżentazzjonijiet, nhar il-Ħamis 26 u s-Sibt 28 ta’ Ottubru, għamlet suċċess u ġieħ lit-teatru tagħna. Din l-opra fit-teatru tagħna ġa saret fl-1978, fl-1998 u fl-2009 u għalhekk din tal-2023 kienet ir-raba’ darba li biddlet il-palk tagħna fil-belt taljana ta’ Mantova u l-inħawi, fuq librett ta’ Francesco Maria Piave u mużika ta’ Giuseppe Verdi.
Din is-sena d-direzzjoni tat-Teatru Astra iddedikat din il-produzzjoni lis-Sur George Grech, President Onorarju tas-Soċjetá Filarmonika La Stella, li kien strumentali fl-introduzzjoni tal-opra fit-Teatru Astra u li ħalliena f’ Awwissu li għadda.
Il-produzzjoni tal-opra kienet f’idejn ir-reġija artistika ta’ Enrico Stinchelli li għalih kienet il-ħdax il-waħda fit-teatru tagħna minn meta beda l-ewwel involviment fl-2011. L-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea.
Is-solisti prinċipali f’din l-opra kienu Simone Piazzola fil-parti ta’ Rigoletto, Gianluca Terranova fil-parti tad-Duka ta’ Mantova, Enkeleda kamani fil-parti ta’ Gilda, Dario Russo fil-parti ta’ Sparafucile u Martina Belli fil-parti ta’ Maddalena. Rwoli oħrajn ġew interpretati minn Yvonne Galea, Louis Andrew Cassar, Alberto Maria Munafo’, Angelo Muscat, Noel Galea, Hilda Grima, Mario Portelli u Ruth Portelli.
Ċertament din kienet produzzjoni li kompliet iżżid mal-kullana ta’ suċċessi tat-Teatru Astra. Mertu kbir ta’ dan imur lit-tim kreattiv tal-opra immexxi minn leaders ta’ esperjenza u kalibru għoli, u lid-diversi voluntiera fis-sezzjoni tagħhom. Mingħajr dawn il-leaders kapaċissimi u l-voluntiera li jgħinuhom l-opra ma tkunx tista’ ssir.
L-opra hija wkoll frott tal-appoġġ finanzjarju mill-Ministeru għal Għawdex u l-Arts Council Malta, l-Bank of Valletta plc u diversi azjendi oħra.
Fl-aħħar u mhux l-inqas produzzjoni bħal din issir għax hemm tim ta’ nies fit-tmexxija tat-teatru li jiddedika ammont sostanzjali ta’ ħin fl-ippjanar, loġistika u amministrazzjoni, dejjem lest biex jilqa l-isfidi li jiġu u jidħol għall-proġetti importanti ta’ rinnovar u tiġdid.
L-impenn ta’ dawn kollha flimkien jawgura tajjeb għall-futur tat-Teatru Astra li dejjem joffri produzzjonijiet ta’ kalibru għoli fuq livell nazzjonali. Alla prossima!
Niżżel minn din il-link il-ktieb Rigoletto tat-Teatru Astra.
(Ritratti: Joe Attard)