Join Us On:

News Archive

RELIKWA TA’ SAN ĠORĠ MILL-ĠDID F’GĦAWDEX

Bi pjaċir kbir inħabbru li l-ġimgħa d-dieħla se jkollna l-grazzja li nilqgħu fil-Parroċċa tagħna r-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ li tinsab meqjuma fil-Katidral ta’ Ferrara, l-Italja.

Dan se jsir b’kortesija tal-Parroċċa Ġorġjana ta’ Ħal Qormi li dis-sena, biex tfakkar b’mod xieraq il-275 anniversarju tal-istatwa titulari tagħha maħduma mill-iskultur Malti Pietru Felici, ħasbet biex tinġab għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin din ir-relikwa għażiża tal-patrun tagħna San Ġorġ.

Għalkemm id-dettalji tal-wasla fostna ta’ dan il-fdal qaddis għad iridu jixxandru (u dan se jsir permezz tal-bulettin, tal-websajt u facebook tal-parroċċa), huwa żgur li r-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ se tasal Għawdex direttament mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nhar l-Erbgħa li ġej, 15 ta’ Ġunju filgħaxija u tibqa’ magħna sas-Sibt 18 ta’ Ġunju filgħodu.

Għaldaqstant, filwaqt li rroddu ħajr lil Alla ta’ dan id-don hekk sabiħ li nqimu u ngħożżu mill-qrib dik “l-id tal-ħniena” li permezz tagħha Huwa għamel għeġubijiet daqstant kbar, ejjew, aħna l-Għawdxin, nitħeġġu u nitħejjew kif imiss ħalli nhar l-Erbgħa li ġej San Ġorġ, il-“Missier ħanin” tagħna, jsibna skont il-qalb tiegħu, jiġifieri b’qalb kbira li ma tixba’ qatt tħobb lil Alla u li ma tgħejja qatt tħenn għall-oħrajn.

Viva Ġorġi tagħna!

facebookadv relikwa_MOD