Join Us On:

News Archive

PROGRAMM TAL-ĠIMGĦA MQADDSA FIL-BAŻILIKA TA’ SAN ĠORĠ

Sehem il-Banda Ċittadina La Stella

Issa li ninsabu viċin ħafna l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa nixtiequ nistednukom minn din il-paġna biex tattendu għall-funzjonijiet li se jiġu iċċelebrati fil-Parroċċa tagħna ta’ San Ġorġ. Il-parroċċa għadha kif ippubblikat il-programm bid-dettalji kollha dwar il-funzjonijiet u tistgħu issibuhom f’din il-link.

Bħal dejjem il-Banda Ċittadina La Stella se tkun qed tieħu sehem f’numru ta’ attivitajiet tal-parroċċa. Bdejna illum, 19 ta’ Marzu 2024 fejn saret quddiesa mill-Arċipriet Joseph Curmi ġewwa l-każin La Stella, fejn attendew numru sabiħ ta’ nies attiviti f’xi waħda mid-diversi għaqdiet.

Nhar it-Tnejn 25 ta’ Marzu dritt wara li jintemm il-pellegrinaġġ bil-vara tar-Redentur se jkun hemm Kunċert ta’ mużika sagra bis-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea.

Imbagħad nhar il-Ġimgħa l-Kbira issir il-Purċissjoni antika, devota u penitenzjali tal-Passjoni (pre-1788) bil-Kurċifiss mirakuluż, kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi (1848) fejn il-Banda Ċittadina La Stella tilqa’ l-ħruġ fi Pjazza San Ġorġ bid-daqq ta’ diversi marċi funebri. Wara, takkumpanja quddiem il-Vara l-Kbira matul it-triqat tal-Belt Victoria.

Il-Ħadd 31 ta’ Marzu, nhar l-Għid il-Kbir, il-banda tagħna tagħmel marċ tal-Irxoxt fejn iddoqq diversi valzi mir-repertorju mużikali tagħha. Il-dimostrazzjoni ta’ Kristu Rxoxt tibda fid-8.45am.

Wirja ġewwa l-Każin La Stella

Ġewwa l-każin tas-Soċjetà Filarmonika La Stella se tittella wirja bit-tema “Ġetsemani”, li tinkludi esebizzjoni ta’ statwi, pittura b’rabta ma’ Ġesu fil-Ġnien tal-Ġetsemani. Din il-wirja se tkun miftuħa mit-22 sat-30 ta’ Marzu 2024 u l-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu mill-10.00am sa 12.00pm u mill-5.00pm sat-8.00pm. Titilfux din l-okkażjoni biex taraw wirja tematika b’rabta speċjali ma dan iż-żmien.