TNEDEW UFFIĊJALMENT FESTIVAL MEDITERRANEA 2019 U IL TROVATORE
Il-festival tat-Teatru Astra jgawdi mill-Appoġġ tal-BOV
Teatru Astra u l-Bank of Valletta nedew uffiċjalment it-18-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea, il-festival ewlieni tal-ħarifa f’Għawdex, li fuq bażi annwali għandu rappreżentazzjoni doppja ta’ opra kif ukoll firxa ta’ avvenimenti oħra li jvarjaw minn mużika u kunċerti vokali għall-esibizzjonijiet tal-arti, lectures u kunċert mill-Banda Ċittadina La Stella.
Il-qofol tal-festival ta’ din is-sena huwa bla dubju l-preżentazzjoni spettakolari ta’ Il Trovatore ta’ Giuseppe Verdi, b’rappreżentanza doppja fl-24 u s-26 ta’ Ottubru 2019.
Il-kast tal-produzzjoni ta’ din is-sena jinkludi wieħed mill-aqwa tenuri tal-Opra Verdjana: Valeriy Georgiev, li se jieħu r-rwol prinċipali ta’ Manrico, fejn diġa kopra dan ir-rwol b’mod estensiv mal-Ewropa kollha, inklużi l-Ġermanja, l-Italja u l-Belġju, fost oħrajn. Is-Sopran Joanna Parisi, li kisbet apprezzament madwar id-dinja għar-rwoli fl-opri ta’ Verdi, se tidher bħala l-maħbuba Leonora.
Isem ġdid għal Teatru Astra huwa Plamen Dimitrov li se jkun fil-parti tal-kattiv Conte di Luna, li miegħu se tingħaqad Sania Anastasia, il-misterjuċa Azucena, mezzo-soprano, ta’ kalibru internazzjonali li hija mfakkra għall-interpretazzjoni tagħha ta’ Amneris f’ Aida (2016) fit-Teatru Astra. Carlo Colombara se jirritorna bħala Ferrando. L-artisti lokali jinkludu s-sopran Marvic Baldacchino, li se tiddebutta fit-Teatru Astra bħala Ines, waqt li Noel Galea, isem magħruf fil-produzzjonijiet operistiċi lokali, qed ikun fdat bil-parti ta’ Vecchio Zingaro.
John Galea, li reċentement kien appuntat bhala l-konduttur residenti tat-Teatru Astra se jkun qed imexxi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra f’dak li jwiegħed li se tkun produzzjoni spettakolari, sinonima mal-livell ogħli li rajna fl-aħħar snin. Id-direttur ta’ fama internazzjonali Enrico Stinchelli, li saħħar il-patruni tal-opra fit-Teatru Astra sa mill-2011, qed jerġa’ jiġi fdat bid-direzzjoni artistika tal-opra.
Waqt li tkellem waqt it-tnedija, Charles Azzopardi, Eżekuttiv tal-PR and Marketing fil-Bank of Valletta qal, ‘Aħna kburin ħafna bis-sħubija fit-tul tagħna ma’ Festival Mediterranea, serje ta’ avvenimenti kulturali ta’ l-ogħla kwalità. Aħna nqisuh bħala investiment dirett fil-qasam tal-Arti u l-Kultura li jipprovdi opportunitajiet eċċellenti għall-artisti Maltin u Għawdxin b’talent flimkien ma’ stilel internazzjonali stabbiliti.’
Il-President tat-Teatru Astra Michael Formosa enfasizza s-sinifikat tal-programm artistiku li qed jiġi ppreżentat mit-teatru. Huwa ddikjara li l-produzzjoni tal-opra annwali tpoġġi lis- Soċjeta Filarmonika La Stella bħala ambaxxatur kulturali ewlieni fil-Gżejjer Maltin. Filwaqt li rrikonoxxa lill-voluntiera li jkomplu jagħmlu tali proġett kulturali possibbli, huwa rringrazzja lill-Bank of Valletta u lill-Kunsill Malti tal-Arti għall-appoġġ tagħhom, li qal huwa investiment f’Għawdex u fil-komunità tagħha. F’kumment ta’ konkluzjoni, huwa nnota li ‘t-Teatru Astra, permezz tal-produzzjonijiet tiegħhu qed jpoġġi offerta artistika ta’ Għawdex fuq livell aktar għoli’.
Is-Surmast John Galea, li indirizza wkoll il-konferenza stampa ddikjara li l-mużika ta’ Verdi tirrappreżenta enerġija drammatika u passjoni, infuża b’sitwazzjonijiet drammatiċi b’espressività li tfarrak kull emozzjoni f’termini ta’ azzjoni u kunflitt. ‘Bħal La Traviata tas-sena l-oħra, Il Trovatore għandha doża ta’ emozzjonijiet bażiċi ta’ mħabba, mibegħda, għira, niket u ferħ tal-udjenza.
Il-persuni li ser jattendu għall-opra se jkollhom l-opportunità li jesperjenzaw weekend kulturalment rikk bejn l-24 u s-26 ta’ Ottubru. Il-kor Sqalli akklamat internazzjonalment, ‘Coro Lirico Siciliano’, li dar id-dinja, se jpaxxi lill-udjenza bl-aqwa mir-repertorju tagħhom, inkluż mużika sagra, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru fis-12.30pm. Ser ikun hemm ukoll kunċert bil-klarinett u pianoforte, mill-mużiċisti Mario Galea u Francis Camilleri, rispettivament li se jinżamm dakinhar stess fil-lukanda Kempinski f’San Lawrenz. Il-programm jinkludi xogħlijiet għall-klarinett bil-Kunċert ta’ Weber Clarinet Nru. 2 u Brahms Clarinet Sonata nru. 2, fost l-oħrajn.
Dr Abraham Borg, awtorità fl-opra, se jkun qed jiddiskuti l-kuntest wara “Il Trovatore” waqt taħdita nhar is-Sibt 26 ta’ Ottubru fi-Banca Giuratale fir-Rabat Għawdex fl-10.00. Barra minnhekk, il-patruni fit-Teatru Astra għal Il Trovatore, li jkunu milqugħa għal ‘Brinidisi’ – esperjenza artistika qabel l-opra fil-foyer spazjuż tal-Astra, kif ukoll se jkollhom l-opportunità li jżuru wirja li tirrakkonta l-istorja ta’ Il Trovatore u l-opra b’mod ġenerali fil-gżejjer.
Avvenimenti oħra jinkludu kunċert tal-pianoforte mill-pjanista Francis James Camilleri nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru fl-Aula Mons Farrugia, taħdita fil-post minn Dr Mark Sagona nhar is-Sibt 19 u wirja fil-Mużew Il Ħaġar bl-arti ta’ Anton Inglott. Hemm ukoll ippjanat kuncert bl-isem ‘Showcasing Tomorrow’s Performers’ li fih se jiehdu sehem l-muzicisti tagħna li għadhom studenti kif ukoll l-Piccole Stelle Choir. Dan se jkun fil-5 ta’ Ottubru fit-8pm ġewwa l-każin La Sella.
Il-Festival Mediterranea jispiċċa nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru bil-Kunċert Annwali tal-Banda Ċittadina La Stella fit-Teatru Astra.
Il-prenotazzjonijiet għal dawn l-avvenimenti kollha jistgħu jsiru fuq il-helpdesk tal-festival fuq 21550985 jew permezz ta’ email [email protected]. Għall-opra wieħed jista jibbukkja online fuq www.teatruastra.com.mt.