PRESEPJU GĦAWDXI B’DIFFERENZA 2017
L-Għaqda Żgħażagħ La Stella, sottokumitat fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella, qed tippreżenta presepju oriġinali, differenti minn dak tradizzjonali li aħna mdorrijin naraw. Din hi r-raba’ sena konsekuttiva li dan il-presepju ta’ din ix-xorta qed jiġi esebit. Dan il-presepju huwa wieħed tassew oriġinali, għax il-pasturi li nsibu fih huma mnebbħa minn individwi u personalitajiet Maltin u Għawdxin. Bħas-snin preċedenti, il-figurini u x-xenografija huma xogħol l-artist Għawdxi Michael Cutajar Zahra.
Ix-xenografija ta’ dan il-presepju tkun dejjem imnebbħa minn postijiet u veduti tipiċi Għawdxin. Din is-sena ntgħażel Marsalforn, sewwasew il-parti magħrufa bħala l-Qbajjar. Tiddomina l-presepju ta’ din is-sena nsibu replika tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda li ġiet mibnija mill-Ordni ta’ San Ġwann bejn l-1715 u l-1716 biex isservi bħala difiża għall-kosta u l-madwar. Ta’ minn isemmi wkoll li aktar riċenti fis-snin tmenin, meta kien spiċċa l-użu proprju tagħha, ġiet mibdula f’diskoteka magħrufa bħala The Rook. F’dan il-presepju, fuq ix-xaqliba l-oħra nsibu wkoll replika tal-għolja li hi magħrufa bħala l-Qolla l-Bajda, kif ukoll fl-isfond tiddomina l-veduta tar-raħal taż-Żebbuġ kif jidher preċiżament mill-bajja tal-Qbajjar.
Fost il-persunaġġi li ġew imżanżna din is-sena nsibu żewġ individwi li sfortunatament ma għadhomx magħna, imma żgur li l-memorja tagħhom għadha tinħass fostna għal raġunijiet differenti. Iż-żewġ individwi ma huma ħadd ħlief Dun Ġorġ Grima, li ħalliena ftit tax-xhur ilu, u Dominic Grech ta’ The Tramps.
Dominic Grech, li kien is-solist tal-grupp leġġendarju u popolari Għawdxi The Tramps, miet fis-sena 2005 u jibqa’ mfakkar għal kompożizzjonijiet mill-aqwa li għadhom popolari sal-ġurnata tal-lum, bħal Xemx u Għawdex Inti Djamant.
It-tieni pastur li ser ikun imżanżan din is-sena hu dak ta’ Dun Ġorġ Grima, saċerdot missjunarju mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria. Dun Ġorġ, li ddedika ħajtu għall-foqra, jibqa’ mfakkar bħala l-fundatur tal-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu, li kien jaħdem biex imexxi programmi ta’ karità fil-Kenja, il-Brażil u l-Etjopja.
Il-presepju jiftaħ kuljum filgħodu mill-10.00 sa nofsinhar, u filgħaxija mis-18.00 sat-20.00, sa nhar il-Ħadd 7 ta’ Jannar 2018. Żgur li wieħed ma għandux jitlef milli jżur dan il-presepju oriġinali, b’sett pasturi tassew speċjali.