Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU LILL-KAN. ĠUŻEPPI SACCO

Is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tixtieq tingħaqad mal-komunita’ kollha Ġorġjana biex tifraħ lill-Kan. Ġużeppi Sacco, teologu tal-kapitlu Ġorġjan fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju presbiterali tiegħu. 

F’din l-okkażjoni, il-Kan. Ġużeppi Sacco, dalgħodu fil-11.00, mexxa konċelebrazzjoni solenni ta’ radd il-ħajr fil-bażilika ta’ San Ġorġ – konċelebrazzjoni li fiha ħa sehem il-kleru u l-kapitlu kollu tal-bażilika kolleġġjata Ġorġjana. Il-konċelebrazzjoni ġiet animata mill-kor Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Kan. Ġorġ Frendo li esegwixxa l-Missa de Angelis b’arranġament polifoniku ta’ Domenico Bartolucci u motetti sagri ta’ Giovanni Pierluigi da Palestrina, Lorenzo Perosi u Domenico Bartolucci.

Intant illejla tiġi fi tmiemha n-novena ġewwa l-bażilika – bid-disa’ u l-aħħar espisodju mill-ħajja ta’ San Ġorġ bit-tema: Ħareġ Rebbieħ biex Jirbaħ (2000) – kitba tal-mibki Mons. Salv Borg u direzzjoni ta’ Antonella Zammit. Wara l-quddiesa tan-novena jkun hemm party kbir għat-tfal fuq il-bejt taċ-ċentru parrokkjali.

Għada nidħlu fil-ġimgħa tal-festa. Dan is-sit ser iżommkom aġġornati matul il-jiem kollha tal-festa. Għall-programm sħiħ ta’ attivitajiet idħlu fuq Festi San Ġorġ 2010.