Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU LILL-KAN. ĠUŻEPP BORG

Illum, is-Sibt 14 ta’ Lulju tkomplew jitfakkru aktar ġublej wara dawk it-tlieta li għadhom kemm ġew festeġjati b’tant pompa u dinjità fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Din id-darba kien imiss il-festa ġubilari tad-deheb ta’ qassis ieħor ħabrieki u benefattur kbir fi ħdan il-parroċċa tagħna, Dun Ġużepp Borg. Dalgħodu fid-9.00, Dun Ġużepp fakkar dan l-anniversarju, b’pontifikal solenni, mmexxi minn Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof u Dekan Emeritus tal-bażilika tagħna.

Il-Kanonku Dun Ġużepp Borg twieled fis-16 ta’ Marzu tas-sena 1933 u ġie ordnat saċerdot fis-sena 1957. Wara erba’ snin ta’ ħidma saċerdotali f’Għawdex emigra lejn il-Canada fl-1964 fejn imbaghad ingħaqad mal-Canadian Armed Forces bħala Captain Major u s’intendi Kappillan ta’ l-armata Kanadiża. Dam jaħdem fil-Canada għal 24 sena sħaħ. Irritorna lura Għawdex fis-sena 1990 u mbagħad inħatar Kanonku tal-kolleġjata Lateranensi ta’ San Ġorġ fis-sena 1991.

Illum bi pjaċir kbir jinsab fil-komunita tagħna fejn jagħmel ħafna xogħol b’risq tagħna lkoll. Il-Kanonku Dun Ġużepp Borg din is-sena, flimkien ma’ ħuh Giovann, li jgħix fil-Kanada, ħadu inizjattiva unika fejn ordnaw statwa kopja perfetta ta’ San Gorg Martri sabiex din tittieħed lejn il-Kanada u titgawda fost ħutna l-emigranti.

Grazzi Dun Ġużepp ta’ kollox. Grazzi u prosit. F’Isem is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ nawgurawlek iktar xogħol ta’ ħidma b’risq il-parroċċa tagħna. AD MULTOS ANNOS!