Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU LID-DJAKNU SIMON M. CACHIA

Il-bieraħ, fil-Katidral tal-Assunta, il-belt Victoria, Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex, ta l-ordinazzjoni djakonali lis-seminarista Simon M. Cachia, mill-parroċċa ta’ San Ġorġ, flimkien ma’ ħames seminaristi oħra Għawdxin, fosthom Samuel Grech, mill-parroċċa ta’ Għajnsielem, li bħalissa qed jagħmel ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ San Ġorġ. Fil-Pontifikal solenni, li beda fis-6.30pm, kanta l-kor tal-bażilika ta’ San Ġorġ, Laudate Pueri, taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo.
 
Simon Mario Cachia twieled il-belt Victoria, nhar is-7 ta’ Novembru 1985.  L-ewwel formazzjoni reliġjuża fis-snin tat-tfulija u l-adolexxenza rċeviha fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb f’Taċ-Ċawla, u iktar tard fil-Museum tas-Subien tar-Rabat. Ħa l-edukazzjoni akkademika tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Gvern tar-Rabat u fis-Seminarju Minuri ta’ Għawdex.  Kompla l-istudji fl-Iskola Postsekondarja Sir Mikelanġ Refalo, u f’Settembru 2003 beda l-mixja tiegħu fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.  Ir-raba’ sena, imsejħa “intermedjarja”, hu qattagħha Ruma fil-parroċċa ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja.  Matul is-seba’ snin fis-seminarju Simon ħa l-formazzjoni pastorali tiegħu fil-parroċċi tal-Munxar, l-Għasri, iż-Żebbuġ u dawn l-aħħar sentejn fix-Xagħra.
 
Simon kien jagħti s-sehem tiegħu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ f’diversi oqsma, fosthom fir-radju tal-parroċċa Leħen il-Belt Victoria u fil-Kor Laudate Pueri.
 
Is-Soċ. Filar La Stella tixtieq tingħaqad mal-komunita’ kollha Ġorġjana biex tifraħ lil Simon, lil Samuel u lid-djakni l-ġodda l-oħra. Nawgurawlhom u nitolbu għalihom f’din il-missjoni ġdida li fiha ħa jissoktaw jaqdu lill-Knisja bħala djakni.