“NAĦDMU BIEX DAWN IL-FESTI JKUNU FESTI INKLUSSIVI”
Messaġġ mis-Sur Paul Zammit
President tas-Soċ. Filar. La Stella
President tas-Soċ. Filar. La Stella
Għeżież Ġorġjani,
F’isem is-Soċjetà Filarmonika La Stella nagħtikom merħba għall-festi li qed norganizzaw f’ġieħ il-Kbir Martri San Ġorġ.
F’dawn il-jiem tant sbieħ ta’ festa, aħna l-Ġorġjani niltaqgħu u nifirħu flimkien. Dawn il-ġranet tant sbieħ jagħtuna l-okkażjoni nesprimu l-imħabba tagħna lkoll lejn Ġorġi tagħna u jimlew lil qlubna b’dak il-ferħ tant mistenni u tant mistħoqq, u li jagħmilna Ġorġjani.
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, li għal iktar minn mija u ħamsa u għoxrin sena ilha inkarigata bl-organizzazzjoni ta’ dawn il-festi Ġorġjani, tħossha onorata li tweġġah lil dan il-Kbir Martri li ma beża’ xejn juri qlubitu u twemminu meta ġie wiċċ imbwiċċ ma’ min sfidah biex jiċħadhom. Aħna nemmnu li t-tajjeb għad hawn ħafna postu fi gziritna u nħossuna onorati li aħna qed nagħmlu l-parti tagħna biex dan ma jonqosx.
Nixtiequ nħeġġu lil kull min iħossu Ġorġjan biex jaħdem ħalli dawn il-festi jkunu festi inklussivi, festi li jgħaqqduna, festi li jagħtu ferħ lil kull min jieħu sehem fihom, festi li juru l-karattru Nisrani tagħna lkoll.
Diversi gruppi ta’ żgħażagħ jaħdmu s-sena kollha biex f’dawn il-jiem ta’ festa aħna nkunu nistgħu ngawdu ħidmiethom.
Għandna l-Banda La Stella li, ta’ kull sena, iżżanżan sett ta’ marċi għall-festa. Din is-sena l-banda ser iżżanżan sett ta’ marċi l-ġmiel tiegħu li ġie rrekordjat fuq CD li tista’ tinkiseb mill-bar tat-Teatru Astra u mill-ħwienet ewlenin tad-diski. Is-sehem tal-Banda La Stella f’dawn il-jiem ta’ festi huwa sehem pjuttost kbir u huwa unur kbir għad-dirigenti u għall-bandisti li jagħtu s-sehem tagħhom f’dawn il-jiem ferriħija. Ix-xogħol fil-banda tagħna ma jaqta’ xejn matul is-sena kollha, imma f’dawn il-jiem ta’ festi l-isforzi tagħna jkunu ferm ikbar. Ta’ dan, u ta’ ħafna iktar, nixtieq nifraħ u nirringrazzja lil kull min qed jagħti l-ħidma tiegħu fi ħdan il-banda tagħna.
Għandna diversi żgħażagħ fil-kumitat tal-armar li matul is-sena kollha tarahom impenjati fir-restawr tal-armar u fil-ħidma ta’ armar ġdid għall-festa. L-entużjażmu li juru dawn iż-żgħażagħ fil-ħidma tagħhom huwa sors kbir ta’ kuraġġ għalina u s-sapport tagħna lejn ħidmiethom huwa kbir immens. Xhieda ta’ din il-ħidma huwa t-tiżjin li lkoll nistgħu naraw fit-toroq ta’ beltna f’dawn il-jiem ta’ festi, tiżjin li bla dubju ta’ xejn, ftit issib festi li joqorbu lejn il-kwalità u l-kwantità tiegħu.
Hawnhekk ta’ min isemmi wkoll il-kumitat tan-nar li ta’ kull sena jferraħna bi spettaklu ta’ nar fil-jiem tal-festa. Ix-xogħol ta’ dan il-kumitat isir matul is-sena kollha u l-ħajr tagħna lejn dawn iż-żgħażagħ li jistinkaw biex jakkwistaw il-fondi neċessarji għal dan l-ispettaklu ta’ nar, għandu jkun kbir u mill-qalb. L-ispejjeż, speċjalment f’dan is-settur tal-festa, huma dejjem kbar u jikbru ferm minn sena għal oħra għalhekk l-impenn ta’ dawn iż-żgħażagħ tagħna jeħtieg bilfors li jkun ferm ikbar minn sena għal oħra. Hemm ħafna dilettanti tal-logħob tan-nar li, ta’ kull sena jiġu apposta għall-festa tagħna biex ikunu jistgħu jgawdu l-ħidma ta’ dawn iż-żgħażagħ tagħna.
Sezzjoni oħra fl-organizzazzjoni tal-festa hija l-kumitat tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Dawn it-tiġrijiet, li f’dawn l-aħħar snin bdew isiru wara nżul ix-xemx, kibru ferm fil-popolarità tagħhom u dan huwa mertu kbir tal-membri li jiffurmaw dan il-kumitat li għarfu jieħdu ċerti deċiżjonijiet li bihom din is-sezzjoni tal-festa kibret immensament. Hawnhekk ukoll għandna kumitat dinamiku li b’ħidmietu jirnexxilu jagħti spettaklu lid-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel li huma tant numerużi fil-gżejjer tagħna. Minn qalbna nroddu ħajr lil dawn il-membri sħabna u nixtiqulhom tant suċċess anke din is-sena.
Ma nixtieqx ninsa lill-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà La Stella li, fl-aħħar mill-aħħar, fuqu taqa’ l-organizzazzjoni ġenerali tal-festa. Il-Kumitat Ġenerali tagħna huwa impenjat fil-ħidmiet kollha li tinħtieg il-banda La Stella, it-Teatru Astra u l-organizzazzjoni tal-festi ta’ San Ġorġ, għalhekk, bla dubju ta’ xejn, il-ħidma hija ferm kbira u impenjattiva matul is-sena kollha. Isiru diversi laqgħat matul is-sena u jsir tqassim ta’ xogħol fost il-membri tal-kumitat biex il-ħidma tkun organizzata u r-riżultati tajbin ikunu jistgħu jinkisbu. Hawnhekk nixtieq ukoll inrodd ħajr minn qalbi lill-uffiċċjali u lill-membri ta’ dan il-Kumitat Ġenerali li huma lkoll impenjati bi sħiħ fit-tmexxija tas-Soċjetà La Stella fid-diversi sezzjonijiet li tħaddan.
Hawnhekk ukoll, għeżież Ġorġjani, nixtieq nitlob l-għajnuna tagħkom ilkoll li tħossu li tappartjenu mal-familja tagħna l-Ġorġjani. Nitlobkom biex tapprezzaw il-ħidma tant kbira li ssir fi ħdan is-Soċjetà La Stella u tagħtuna l-appoġġ tagħkom kemm bil-kuraġġ li tgħamlulna u kemm bl-għajnuna finanzjarja li intom ilkoll ta’ kull sena, taraw il-frott tagħha fil-każin tagħna u fil-festa ta’ San Ġorġ. Is-Soċjetà La Stella tħallas l-ispejjeż kollha għal dawn il-festi kbar li nagħmlu fil-belt Victoria u għalhekk l-għajnuna finanzjarja tagħkom ilkoll hija tant essenzjali biex inkunu nistgħu nagħmlu l-festi li jixirqu lil San Ġorġ tagħna. F’dawn il-jiem tiltaqgħu wkoll mal-uffiċċjali tal-kumitat tagħna li jkunu jistgħu jaċċettaw l-offerti tagħkom u jagħtukom irċevuta uffiċjali għal kull offerta. Ta’ dan inroddulkom ħajr kbir mill-qalb.
Fl-aħħarnett, għeżież Ġorġjani, nixtieq nistedinkom minn qalbi biex f’dawn il-jiem ta’ festi ningħaqdu lkoll madwar San Ġorġ biex bħalu nuru t-twemmin tagħna li finalment għandu jkun l-għan ta’ ħajjitna. Kull ħidma tagħna u kull skop ta’ ferħ għandu jkun indirizzat lejn l-għan li lkoll għandna naħdmu ferm għalih, anke fuq l-eżempju tal-Kbir Martri San Ġorġ li lilu għandna nżommu dejjem f’qalbna.