Join Us On:

News Archive

MESSAĠĠ TAL-PRESIDENT TAS-SOĊJETÀ GĦALL-FESTA 2014

IMG_1622

Frażi li ta’ spiss tinstema’ fostna hija li “l-bżonn iġiegħlek tagħmel kollox.”  Hekk ġrali jien meta f’Marzu li għadda ntlabt nerġa nieħu f’idejja t-treġija tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.  Kont diġa għaddejt medda ta’ erbgħin sena fl-amministrazzjoni tagħha.

Matul dan l-ewwel perjodu tiegħi f’dal-qasam, rajt jitwettaq ħafna mill-ħolm ta’ żogħżiti.  Nista’ nistqarr li kont il-perċimes biex din is-Soċjetà, legalment stabbilita bħala l-ewwel Għaqda Mużikali fi gżiritna, bdiet tipposjedi mhux biss sede ġdida għall-każin tagħha, iżda saħansitra kumpless kbir li jinkorpora fih lit-Teatru Astra, rinomat għall-akustika stupenda tiegħu.  Ma’ dan is-sodisfazzjon, kelli sehem ewlieni biex ġew eliminati l-inġustizzji li fl-imgħoddi xekklu l-parroċċa antika tagħna, ta’ San Ġorġ.  Sussegwentement, rajt tiġi ssiġillata l-qagħda dinjituża u singulari tagħha fost il-parroċċi ta’ Malta u Għawdex.  Ovvjament, dan kollu seħħ għax f’ħidmieti kont sostnut minn individwi li fihom ibbrilla l-ideal Ġorġjan.  Konna tabilħaqq imnebbħa minn ħeġġa u rieda azzarija.

Sinċerament, qatt ma bsart li wara assenza ta’ dsatax –il sena mid-direzzjoni ta’ din is-Soċjetà Mużikali, ser nerġa nintalab nitgħabba b’din il-kariga li titlob dedikazzjoni u bżulija.  Ġejt assigurat li l-preżenza tiegħi sfat meħtieġa sabiex tixpruna iktar progress.  Quddiem din l-insistenza aċċettajt u dħalt b’ruħi u ġismi għall-vieġ.  Sa’ llum, b’sodisfazzjoni nista’ nistqarr li l-koperazzjoni madwari mhix nieqsa.  Nawgura li din il-ħeġġa mhux biss tiżdied imma tistiga lil oħrajn biex imiddu għonqhom u joffru wkoll l-għajnuna tagħhom.

F’din l-okkażjoni nindirizza l-ewwel appell tiegħi lill-Bandisti, biex l-attendenza tagħhom tkun waħda eżemplari mhux biss f’dawn il-jiem ta’ festa iżda kull fejn neħtieġuhom.  Niżżiħajr lilhom, kif ukoll lill-familjari tagħhom għas-sagrifiċċji li ħafna drabi dawn ikunu kostretti jagħmlu minħabba fihom.  Il-preżenza ta’ kull bandist hija ferm apprezzata.  Xieraq li din l-imġieba ma tiddakkarx mis-susa ta’ l-indifferenza.  Huwa fatt li jekk nippermettu l-irresponsabilità, inkunu fl-istess nifs qed ngħabbu lis-Soċjetà bi spejjeż żejda.  Nifirħilhom ukoll għas-suċċess li nkiseb bis-sehem riċenti tagħhom f’RockAstra u, ftit xhur qabel, fil-Kunċert Annwali.

B’xorti tajba, s-Soċjetà tħaddan ukoll għadd ta’ sotto-kumitati li jwettqu ħidma ammirevoli.  Il-qasam ta’ dawn ikopri l-Għaqda ta’ l-Armar, Festival Mediterranea, il-Grupp Folkloristiku, l-Għaqda tan-Nar u l-grupp responsabbli mit-Tiġrijiet tal-Bhejjem.  Fihom ilkoll jispikka sens qawwi ta’ dedikazzjoni u inizjattiva.  Nifhem li dawk li huma konxji mill-attivitajiet tas-Soċjetà tagħna u l-organiżżazzjoni ta’ din il-festa ewlenija, jaqblu li dak li qed nistqarr mhux kliem fieragħ.  Ovvjament, l-istess jikkonkludu dawk li jassistu għar-rappreżentazzjonijiet operistiċi, imtellgħa b’mod impekkabbli fit-Teatru Astra.

Minkejja dan is-sostenn pożittiv, inħossu dmiri li nappella biex fostna jinbtu aktar individwi li joffru id ta’ għajnuna fit-tmexxija ċentrali.  Nistqarr li x-xogħol f’dan il-qasam, paragunat man-numru attwali ta’ persuni responsabbli, jeħtieġlu jiżdied sewwa.  Hemm min fostna mgħobbi b’wiżna, u min b’ratal.  Huwa fatt li b’iktar ħaddiema fil-qiegħa iktar jitkattru l-inizjattivi tagħna.

Insellem ukoll lill-partitarji tagħna u nħeġġiġhom biex possibilment iżidu l-kontribuzzjoni tagħhom b’riżq l-ispejjeż tal-festi esterni li niċċelebraw kull sena fil-ġimgħa li twassal għat-tielet Ħadd ta’ Lulju.  Kull min hu Ġorġjan għandu jifhem minn jeddu l-obbligu li jikkontribwixxi skond kemm jista’.  Tajjeb infakkarkom li l-karus tas-Soċjetà kien ħa daqqa ta’ ħarta ġmielha meta fil-jum sfortunat tat-8 ta’ Novembru 2003, t-Teatru Astra ġarrab ħruq estensiv.  L-ammont kbir li ntefaq biex sar dan ir-restawr u t-teatru seta’ jerġa jibda jiffunzjona, għadu jross spallejn is-Soċjetà sal-ġurnata ta’ llum.

M’hemmx bżonn, fl-aħħarnett, nenfasiżża li allura tkun altru minn ġennata li nagħlqu għajnejna quddiem defiċit li kull sena qed inġarrbu fil-festi esterni li minnhom hija uffiċjalment responsabbli s-Soċjetà tagħna.  Niżbaljaw bi sħiħ jekk nibqgħu b’idejna fuq żaqqna u ma nieħdux azzjoni sabiex gradatament titfejjaq din il-pjaga.  Kien għalhekk pass għaqli li billi ġie nnutat li qed jonqsu ġmielhom il-kontribuzzjonijiet għal dawn il-festi, l-Kumitat Ġenerali qabel li ta’ l-inqas inaqqas wieħed mill-ħafna servizzi li l-Banda tagħmel fil-Festa.

Nawgura, fl-aħħarnett, li tgawdu lkoll din il-festa ewlenija fejn, flok bassezzi u profanazzjonijiet, jispikka l-briju u l-entużjażmu Ġorġjan.

Paul M. Cassar
President

 

(Ritratt: Toni Farrugia)