Join Us On:

News Archive

MERĦBA FIT-TEATRU ASTRA GĦAT-18 –IL EDIZZJONI TA’ FESTIVAL MEDITERRANEA

Il-Belt Victoria tinsab għaddejja bil-preparamenti għat-18 –il edizzjoni ta’ Festival Mediterraea, festival ta’ kultura matul il-ħarifa.

Il-festival se jibda bil-kunċert fuq il-“pianoforte” minn  Francis James Camilleri nhar il-Ġimgħa 18 t’Ottubru, fejn se jindaqqu xogħoljiet ta’ Beethoven, Chopin, u Liszt, fost oħrajn. Francis, għalkemm żgħir fl-età ġa stabilxxa isem bħala wieħed mill-aħjar pjanisti li għandna f’pajjiżna. Huwa ġa daqq kemm il-darba f’kunċerti importanti kemm f’Għawdex, f’Malta kif ukoll barra minn Malta.  Ċerti li kull min għandu għal qalbu l-mużika klassika mhux se jitlef dan l-appuntament. Il-kunċert se jsir fl-Awla Mgr Giuseppe Farrugia.

L-għada, fil-mużew il-Ħaġar, se tinfetaħ wirja awtobijografika ta’ Anton Inglott.  Fiha se jkun hemm xogħolijiet tal-pittur, kemm minn entitatjiet pubbliċi kif ukoll privati. Ix-xogħlijiet se jinkludu fażijiet mill-karriera tal-pittur fejn ħadem b’stili kontrastanti.  Wirja ta’ dan il-livell se tkun qed iżżid l-importanza u tkabbar il-livell ta’ dan l-ewwel tmiem il-ġimgħa tal-festival.

Fis-19 t’Ottubru wkoll, filgħodu, se ssir it-taħdita mistennija kull sena minn Dr Mark Sagona.  Din it-taħdita se ssir fuq il-post f’diversi lokalitajiet u se jkun jisimha “The impact of Friedrich Overbeck and Tommaso Minardi on art in Gozo: painting and sculpture”. Għal min hu dilettant tal-arti din hija okkażjoni unika.

Il-Ħadd 20 t’Ottubru se tinfetaħ wirja fit-Teatru Astra li se titratta l-istorja tal-opra “Il Trovatore” u li fiha se jkun hemm diversi esebiti interessanti mill-arkivji tat-teatru.  Din il-wirja se tibqa miftuħa għal ġimgħa sħiħa.

Naturalment il-qofol jintlaħaq fl-24 u 26 t’Ottubru biż-żewġ produzzjonijiet tal-opra lirika “Il Trovatore”, li se jsiru fit-Teatru Astra.  Qabel l-opra se jkun hemm diversi attivitajiet fit-triq quddiem it-teatru fejn se tinħoloq atmosfera unika għal din l-okkażjoni.

Nhar il-25 t’Ottubru il-“Coro Lirico Siciliano”, li huwa kor ta’fama internazzjonali se jagħmel kunċert fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fin-12.30pm.  Filgħaxja, imbagħad kunċert ieħor ta’livell għoli fil-Kempinski Hotel, San Lawrenz, mill-ġdid mill-pjanista Francis James Camilleri u l-klarinettista u solista tal-Banda Ċittadina La Stella, Mario Galea. Id-dħul għal din l-attività huwa b’xejn.

Is-Sibt 26 t’Ottubru filgħodu se ssir it-taħdita minn Dr Abraham Borg dwar l-opra “Il Trovatore” u din se ssir fil-Banca Giuratale fil-Belt Victoria.

Nhar il-Sibt 16 ta’Novembru jagħlaq il-festival bil-kbir billi bħas-soltu se jsir il-Programm Annwali tal-Banda Ċittadina La Stella ġewwa t-Teatru Astra, immexxi mid-direttur mużikali tagħha Mro Dr John Galea.  Il-kunċert jibda fit-8pm u d-dħul huwa b’xejn.

Festival Mediterranea huwa organizzat bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u huwa parti minn “Opera is Gozo”.  L-opra “Il Trovatore” hija organizzata bl-assistenza tal-“Gozo Cultural Support Fund”.  Booking jista jsir fuq is-sit elettroniku www.teatruastra.org.mt