LEJN L-ITALJA GĦAL ŻEWĠ FESTIVALS INTERNAZZJONALI
Bosta xhur ta’ ħidma, dedikazzjoni u sfidi – minnu l-membri tal-Grupp Folkloristiku Astra ħareġ aqwa minn qabel u llum ninsabu fi stadju importanti għall-istorja tal-grupp tagħna.
F’dawn l-aħħar 7 xhur sibna tim ta’ volontiera u ma nieqaf qatt nirringrazzja lil Manuel Buhagiar tad-disinn dettaljat tal-kostumi taż-żeffiena nisa u irġiel, kif ukoll tal-mużiċisti; lill-Kolina Attard tal-ħjata fina tagħha u lil George Cassar tar-rakkmu li kompla jarrikkixxi lill-animu tal-Folk Astra.
Fis-siegħat bikrin tal-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu, il-Grupp Folkloristiku Astra kien fi triqtu lejn l-Italja fejn ġie mistieden għal żewġ festivals internazzjonali tal-folklor li jiġi fi tmiemu fit-13 ta’ Awwissu.
Il-festivals huma ġewwa Riccia u Carpinone fir-reġjun tal-Molise, fil-provinċja ta’ Campobasso fl-Italja. F’Carpinone kont mistiedna nattendi fl-2016 u stajt napprezza iktar mill-qrib il-ħidma ta’ diversi voluntiera li jaħdmu qatigħ. Żgħożiti nafha mill-folk u tul dawn il-15-il sena komplejt ngħożż il-passjoni u d-determinazzjoni tal-folklor Għawdxi u dak barrani għax id-diversita’ hija kkulurita.
Kull persuna hi l-ambaxxatur ta’ pajjiżha u l-irwol sew jekk mużiċist jew kantant jew żeffien hu effettiv. Ser ikunu jiem fejn il-kultura u l-element tradizzjonali jitwaħħdu ma’ sinfonija kollettiva ta’ kulturi fosthom mal-pajjiżi msemmija: Arġentina, Greċja, Indja, Messiku, Spanja, Turkija.
L-ispettakli ser isiru fid-diversi bliet u rħula u nibdew minn Riccia, Roccamandolfi, Roccavivi, San Giuliano del Sannio u Carpinone. Waħda mis-serati ser tkun imtellgħa mis-Sud Folk fejn iwasslu repertorju ta’ pizzica u tarantella mill-Puglia.
Inħeġġiġkom tibqgħu aġġornati tul il-mawra tagħna permezz ta’ Facebook fuq @astrafolkgroup1970 u titpaxxew bil-kulturi u l-ilwien.
Biex dawn ir-realizzazzjonijiet kollha jseħħu, l-grazzi tmur għall-membri kollha li joffru ħinhom minn qalbhom sabiex inkomplu nixtarru l-kultura Għawdxija. Nestendi r-ringrazzjament lill-isponsors –
Charles Fruit & Vegetables, Fabrix, La Bottega di Melchiorre, Tal-Massar Winery, Tonio Schembri photography, Vajrinġa Supermarket, VisitGozo