Join Us On:

News Archive

LEJN IL-PROGRAMM TAL-10 TA’ ĠUNJU

Fuq stedina tal-kunsill lokali tal-belt Victoria, il-banda ċittadina La Stella ser ittella’ programm mużikali fi Pjazza Indipendenza f’Jum il-belt Victoria, iċċelebrat nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju. Għal dan l-impenn il-banda, dejjem taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, qed tħejji ruħha biex ittella’ kunċert mużikali mill-aqwa. Huwa proprju għalhekk li dan il-kunċert ser iġib l-isem: the best of the best…by the best. 

Il-banda La Stella hija rinomata għal kunċerti mużikali ta’ klassi, u dan il-programm mużikali għandu jkompli jgħolli l-isem tal-banda tagħna fejn jidħlu programmi mużikali. Għal dan il-kunċert ġew magħżula numru ta’ kompożizzjonijiet ferm popolari. Il-banda għażlet li jindaqqu numru ta’ siltiet mużikali meħuda minn films famużi. Fil-fatt wara s-suċċess fil-kunċert mużikali Soundtracks Alive: Music from the Movies fi Frar li għadda, il-banda ser tesegwixxi highlights mill-films, The Da Vinci Code; The Mission; The Mask of Zorro; Schindler’s List; u Last of the Mohicans. Ma’ dawn ġew magħżula siltiet oħra minn films oħra kolossali bħal: Ben-Hur (li ndaqqet għall-ewwel darba minn banda Għawdxija fil-kunċert ta’ mużika sagra fil-bażilika f’April li għadda); Gladiator; Exodus; u l-film riċenti Lord of the Rings. Il-programm jinkludi wkoll silta popolari tal-kompożitur Olandiż Jacob De Haan, Free World Fantasy, silta li ntlaqgħet ferm tajjeb fil-programm mużikali annwali ta’ Novembru li għadda.

Din l-għażla mużikali hija bla dubju garanzija ta’ serata meraviljuża li żgur m’għandkomx titilfu. Aktar aġġornamenti dwar The La Stella Band in Concert: the best of the best…by the best! fil-jiem li ġejjin.