Join Us On:

News Archive

LEJN FESTIVAL MEDITERRANEA

Ninsabu ftit aktar minn xahar ‘il bogħod mill-ftuħ tas-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Il-preparamenti jinsabu fl-aqwa tagħhom, kemm mill-kumitat organizzattiv fi ħdan is-Soċ. Filar. La Stella kif ukoll mill-kast li ser jieħu sehem fl-opra lirika li ser tittella’ darbtejn fit-23 u fil-25 t’Ottubru. Bla dubju bħalissa għaddejja kampanja pubbliċitarja għal dan l-avveniment kbir fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna – din is-sena aktar minn qatt qabel għaliex huwa mifrux fuq 48 jum. Dan l-avveniment qed jingħata importanza kbira b’mod speċjali fil-qasam turistiku għaliex qed jiġbed lejn pajjiżna numru kbir ta’ barranin u anke Maltin, fi żmien mhux daqstant popolari mat-turisti, u għalhekk wara x-xhur qawwija tas-sajf, jagħti spinta kbira lill-ekonomija Għawdxija li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu lokali u anke internazzjonali.

Minbarra s-siti tas-Soċjeta’ u dak ta’ Festival Mediterranea, issa ġew iffinalizzati wkoll żewġ posters oħra li ġew imqassma f’bosta negozji u postijiet pubbliċi biex ikomplu jirreklamaw dan l-avveniment annwali. Fuq waħda mill-posters insibu l-programm sħiħ ta’ dan il-festival li jibda fl-20 t’Ottubru u jintemm bil-Programm mużikali annwali mill-banda dekana fit-22 ta’ Novembru; u l-poster l-oħra tirreklama l-opra lirika li ser tittella’ fit-Teatru Astra fit-23 u fil-25 t’Ottubru bis-sehem tas-sopran ta’ fama internazzjonali Francesca Patane’. Il-posters saru fuq disinn ta’ Richard Grech u Michael Formosa. Il-poster uffiċjali ta’ l-opra Turandot bil-lista kompluta tal-kast u tat-tim tekniku toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin. Din il-kampanja pubbliċitarja għaddejja wkoll fuq il-media lokali permezz ta’ artikli f’ġurnali prominenti lokali.

Il-bookings li jinsabu sejrin tajjeb ħafna, għadhom miftuħa. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattjana fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella fuq 2155 0985.

www.mediterranea.com.mt