LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI U L-ĦATRA TA’ KUMITAT ĠENERALI ĠDID
LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI
Nhar is-Sibt 20 ta’ Frar 2022 inżammet il-laqgħa ġeneral annwali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella ġewwa s-sala l-ġdida msemmija għall-Professur Joseph Vella, liema sala bħalissa għaddejja b’diversi xogħolijiet. Matul il-laqgħa inqraw ir-rapporti amministrattivi u finanzjarji, fostom ir-rapport tal-awdituri esterni, PKF Malta. Is-Sur Michael Formosa għamel ukoll rapport dettaljat tad-diversi proġetti għaddejjin fit-Teatru Astra u l-bqija tal-kumpless, fostom il-foyer u d-diversi swali u klassijiet. Jekk Alla jrid dalwaqt se jiġi fi tmiemu l-proġett ta’ rinnovar tal-bar u l-madwar biex ikun jista’ jerġa jinfetaħ għall-pubbliku. Dwar dan jinħarġu dettalji aktar tard.
ELEZZJONI GĦAL KUMITAT ĠENERALI
Intant illum, 6 ta’ Marzu 2022 inżammet l-elezzjoni għall-kumitat ġenerali u ġew eletti dawn il-kandidati (fl-ordni alfabetika): Attard Manuel, Ballucci Charles, Camilleri Andrea, Cassar Kurt, Cini Silvio, Formosa Michael, Mifsud Matthew, Mizzi Christopher Dr, Schembri Francis, Tabone Joseph, Xuereb Bradley, Zammit Elena, Zammit George u Zammit Matthew. Issa jmiss li fil-jiem li ġejjin issir l-elezzjoni għal President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u dritt wara jiltaqa l-kumitat biex jinħatru d-diversi karigi.
SETT TA’ MARĊI FUNEBRI ĠODDA TAS-SURMAST DIRETTUR DR JOHN GALEA
Illum ukoll sar ir-rikording ta’ sett ta’ marċi funebri ġodda flimkien ma oħrajn li għalkemm ilhom miktuba kien għadhom mhux irrekordjati, kollha kompożizzjonijiet tas-Surmast Direttur Dr John Galea. Aktar dettalji ta’ kif u minn fejn jista jiġi akkwistat dan ic-CD/USB jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin.
SISTER ACT
Bħalma ħafna ġa jafu din is-senase jsir il-live musical Sister Act wara li kien ilna nipposponuh minħabba l-pandemija għal dawn l-aħħar sentejn. Dan ġab ħafna attività fil-Teatru Astra wara waqfa kemmxejn twila. Dawk li jixtiequ jixtru biljett għall-musical għad fadal għaż-żewġ shows tal-31 ta’ Marzu li hija festa pubblika. Ix-shows se jkunu fit-3pm u fit-8pm.
Sister Act qed jsir bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex, id-Direttorat għall-Wirt Kulturali u l-Arts Council Malta.