Join Us On:

News Archive

LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI

Nhar is-Sibt 27 ta’ Jannar 2024 inżammet il-laqgħa ġenerali annwali tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella fis-Sala Joseph Vella,  li għalija kienu mistednin il-Bandisti attivi u dawk onorarji, il-membri tal-Kumitat Ġenerali u s-sotto-kumitati.

Fil-bidu tal-laqgħa nqraw il-minuti mis-Segretarju Matthew Zammit u wara ġie ppreżentat rapport dettaljat li kopra il-ħidma tal-Banda Ċittadina La Stella, l-amministrazzjoni tas-Socjeta matul l-aħħar sena, il-proġetti kapitali u l-investimenti li qed u ser jsiru, kif ukoll rendikont tal-ħidma tat-Teatru Astra mill-President tas-Soċjeta, Michael Formosa.  Ir-rapport kopra ukoll r-rendikonti finanzjarji tal-aħħar sena li kienu ukoll suġġett għal ‘audit’ mill-kumpanjija tal–awdituri PKF u li kien għadu kemm intemm b’ suċċess.

Matul l-laqgħa saret diskussjoni fuq temi diversi marbuta mal-ħidma tas-Soċjeta Filarmonika La Stella. Fi tmiem il-laqgħa nħatret Kummissjoni Elettorali biex tmexxi il-proċess elettorali skont l-istatut tas-Soċjeta, u li ser tkun qed tilqa n-nominazzjonijiet għall-ħatra tal-membri tal-Kumitat Ġenerali li jmiss.

Kull nominazzjoni għal membru tal-Kumitat trid tkun proposta u ssekondata minn żewġ bandisti u trid tasal għand il-Kummissjoni Elettorali sa mhux aktar tard minn nhar l-Erbgħa 14 ta’ Frar 2024 fis-7.00pm.

Il-formoli li fuqhom isiru n-nominazzjonijiet jistgħu jinġabru mingħand l-uffiċjali tal-Kumitat jew mingħand xi membru tal-Kummissjoni Elettorali u mill-bar tal-Każin. L-applikazzjonijiet għandhom jintefgħu fil-letterbox tas-Soċjeta’ fejn il-bieb prinċipali tal-Każin.