Join Us On:

News Archive

LAQGĦAT GĦALL-MEMBRI TAS-SOĊJETÀ ‘LA STELLA’

Fuq inizzjattiva tal-kumitat ċentrali tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella” u tad-direttur spiritwali l-ġdid tas-Soċjetà, Mons. Ġużeppi Farrugia, tul dan iż-żmien tar-Randan ser isiru numru ta’ laqgħat ta’ formazzjoni għall-membri kollha li jaħdmu fi ħdan din is-Soċjetà mużikali ta’ beltna.

Is-Soċjetà “La Stella” permezz ta’ l-għaqdiet u s-sezzjonijiet kollha fi ħdanha tkun impenjata minn jum għal jum matul is-sena, bla waqfien. Huwa importanti li aħna wkoll bħala nsara nfittxu dawk il-mumenti ta’ riflessjoni f’dan iż-żmien partikolari tas-sena. F’dan iż-żmien tar-Randan li ser iwassalna għall-Ġimgħa l-aktar importanti fil-kalendarju tal-knisja kattolika, huwa meħtieġ ukoll li nħallu spazju biex ilkoll flimkien nattendu okkażjonijiet organizzati mill-parroċċa u mis-Soċjetà, biex niġġeddu u nikbru fil-fidi tagħna. Ser isiru tliet laqgħat fi tliet ġranet differenti għal gruppi differenti mis-Soċjetà “La Stella” u dawn il-laqgħat ser ikunu kollha mmexxija minn Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu u direttur spiritwali tagħna. L-ewwel laqgħa ser issir nhar is-Sibt 23 ta’ Frar. Għal din il-laqgħa huma mistiedna dawk il-persuni membri fl-Għaqda ta’ l-Armar, l-Għaqda tan-Nar u l-membri tal-kumitat responsabbli mit-tiġrijiet taż-żwiemel tal-festa. Għat-tieni laqgħa li ser issir nhar is-Sibt l-1 ta’ Marzu, huma mistiedna l-membri tal-kumitat ċentrali tas-Soċjetà u l-bandisti. L-aħħar laqgħa ser issir nhar is-Sibt 15 ta’ Marzu. Għal din il-laqgħa huma mistiedna l-kollaboraturi kollha tat-Teatru u l-Grupp Folkloristiku Astra.

Il-laqgħat kollha jibdew fit-8.00pm u ser isiru fiċ-ċentru parrokkjali tal-bażilika ta’ San Ġorġ. Nistednukom ilkoll biex tattendu. Din hija okkażjoni oħra li tkompli tgħaqqadna, issaħħaħna u bħala nsara ddaħħalna aktar fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien qaddis tas-sena.