Join Us On:

News Archive

L-OPRA MILL-ĠDID F’GĦAWDEX

Teatru Astra miexi ġmielu fil-preparazzjonijiet biex jipproduċi l-kapulavur ta’ Bizet: Carmen, li se ssir fis-27 u fid-29 ta’ Ottubru, 2022.

L-istorja ddur ma’ suldat għadu żgħir fl-eta’, Don Jose, li kellu l-intenzjoni li jiżżewweġ lil Micaela, iżda meta jiltaqa’ ma Carmen, mara indipendenti u senswali, hu jissagrifika kollox biex ikun magħha. Meta bdiet tixba’ minnu, Carmen dawret l-attenzjoni tagħha lejn Escamillo, toreador, liema attenzjoni eventwalment ħolqot l-għira ta’ Don Jose bil-konsegwenza li għamlitu inkontrollabbli u vjolenti.

Il-produzzjoni ta’din l-opra hija waħda ta’sfida, speċjalment fl-għażla tal-parti ta’ Carmen peress li huwa rwol importanti ħafna. Il-mezzo sopran trid tkun mara senswali u ħielsa minn kull ħsieb, addirittura skandaluża, kif kienet deskritta mill-gazzetta Franċiża Le Gaulois, wara li nħadmet l-ewwel darba fl-1875; fiha elementi hekk imsejħa “immorali, illegali u drammatiċi” kollha magħġuna fil-ħajja tal-proleterjat ta’dak iż-żmien. Fl-istess ħin, dan l-irwol jitlob ton deċiż u saħħa assoluta mill-vuċi tal-karattri, b’doża kbira ta’emozzjoni.

Il-produzzjoni ser terġa’ tkun f’idejn Enrico Stinchelli li diġa wera fil-produzzjonijiet ta’ qabel il-kapaċità tiegħu fid-direzzjoni artistika.  Ċerti li din il-produzzjoni ser tgħolli l-livell tal-opra f’Għawdex, b’ideat ġodda u innovattivi fid-dwal, kostumi u xenarju li żgur se jkunu mill-aħjar possibbli, ilkoll imżewqa bi żfin grazzjuż tal-Flamenco. Il-kantanti magħżula se jkunu tal-ogħla livell, stilel fix-xena operistika, biex jerġgħu jagħtu lil Għawdex l-ogħla forma ta’ kultura, li ilha mxennqa għaliha minħabba l-waqfa li ġabet magħħa l-pandemija fuq il-produzzjonijiet teatrali. Fil-fatt it-Teatru Astra kellu jippostponi lil Carmen darbtejn. Il-kast stellari ser jiġi mħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.

Is-Surmast John Galea ser jiddirieġi lil Malta Philharmonic Orchestra, filwaqt li l-Astra Opera Chorus se jkun immexxi minn Mariella Spiteri Cefai waqt li l-Kor Piccole Stelle minn Sylvana Attard. Ċertament ilkoll ser jagħtu sehem prominenti u importanti f’dan ix-xogħol grandjuż.

Booking għal din l-opra jista jsir online fuq www.teatruastra.org.mt

L-opra fit-Teatru Astra għandha l-għajnuna tal-Gozo Cultural Support Programme immexxi mill-Arts Council Malta.

2022