Join Us On:

News Archive

L-OPRA ‘IL TROVATORE’ TA’ GIUSEPPE VERDI TIRRITORNA FIT-TEATRU ASTRA WARA 23 SENA

It-Teatru Astra, għal darb’oħra se jkun qed jippreżenta l-kapulavur ta’ Giuseppe Verdi, ‘Il Trovatore’, wara 23 sena; opra f’erba’ atti, bbażata fuq librett ta’ Salvadore Cammarano, komplut wara addizzjonijiet minn Leone Emanuele Badare, kawza tal-mewt ta’ Cammarano.

Is-suċċess ta’ ‘Il Trovatore’ fuq il-palkijiet tat-teatri tal-opra madwar id-dinja beda f’Ruma, fit-Teatru Apollo, fl-1853. Il Trovatore hija maħsuba il hi waħda minn triumvirate ta’ kapulavuri tal-bel canto, bit-tnejn l-oħra jkunu La Traviata u Rigoletto.

Il-librett isegwi dramm, miktub iktar kmieni mill-Ispanjol Antonio Garcia Gutierrez, li jġib l-isem ‘El Trovador’; kompożitur u attur ta’ poeżija lirika matul l-aħħar tal-Medjuevu. Xogħol Garcia Gutierrez huwa deskritt xogħol melodrammatiku li jissorpassa l-unitajiet klassiċi bi grazzja liema bħalha. Infatti, l-istorja ma ssegwix biss tema waħda, imma hija pjuttost kobba ta’ gwerra, imħabba, u tpattija. Huwa fatt, li ħafna drabi, dan jiġi nterpretat bħala diffikultuż biex jinftiehem, iżda realment, l-opra trid tittieħed fil-kuntest ta’ dawn it-tliet temi separatament, sabiex wieħed jieħu stampa ċara tal-motivazzjonijiet li jwasslu lill-karattri għar-reazzjonijiet tagħhom.

‘Il Trovatore’, hija daqsxejn ta’ ghadma iebsa anke’ f’termini mużikali, peress li tirrikkjiedi ċerta aġilita’ u saħħa ta’ vuċi, flimkien ma sbuħija partikulari u li mhux kullħadd għandu d-don tagħha, li toħroġ l-aqwa tal-bel canto. Din l-opra hija l-apiċe tal-perfezzjoni li Verdi laħaq fil-kompożizzjoni matul is-snin; biċċa xogħol li saret bħal li kieku m’hemmx għalxiex terġa ssir oħra warajha.

It-Teatru Astra, ghal opra Il Torvatore, qed jibbenefika mill-fond ‘Gozo Cultural Support Fund’.  Wieħed jista’ jibbukkja billi jidħol fis-sit www.teatruastra.org.mt jew jibgħat email fuq [email protected].

 

IlTrovatore-WebBanner