Join Us On:

News Archive

L-ISTAĠUN TAL-FESTI F’GĦAWDEX

L-istaġun tal-festi jinsab għaddej ġmielu, u issa fi gżiritna fadal l-aħħar tliet festi li jagħlqu staġun ieħor ta’ festi fil-belt u fl-irħula tagħna. Għall-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ dan kien staġun ieħor ferm impenjattiv. Il-banda tagħna minbarra l-impenji marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ Martri, ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’numru kbir ta’ festi oħra. Bdejna mill-Munxar, l-Għasri, il-Fontana, ix-Xewkija, in-Nadur, ta’ Sannat, il-Qala, San Lawrenz, iż-Żebbuġ, u Għajnsielem. Fil-Fontana, in-Nadur u San Lawrenz, il-banda tagħna ġiet mistiedna biex tagħmel żewġ servizzi. Dan in-numru kbir ta’ impenji bla dubju jixhed il-popolarità kbira li tgawdi l-banda ewlenija ta’ beltna – numru li jekk tqabblu ma’ baned oħra “ġirien” huwa bil-wisq superjuri. Huma biss erbgħa l-festi f’Għawdex li l-banda tagħna ma ħaditx sehem fihom f’dan l-istaġun festiv. 

L-istaġun festiv f’Għawdex jibqa’ imfakkar għall-festi kbar li kellna f’beltna f’ġieħ il-kbir Martri San Ġorġ – il-Patrun ta’ beltna u Protettur tal-ġżira Għawdxija. Il-festi Ġorġjani jibqgħu mfakkra minn dawk l-eluf li kienu preżenti bħala festi eżemplari u uniċi. Iva, eluf kbar kienu preżenti f’kull episodju tal-festa tagħna. Ma kienx hemm jum wieħed u attività waħda li għaliha ma kienx hemm massa kbira ta’nies. Il-festi interni huma xhieda ta’ dan kollu. Bdejna mill-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa titulari, il-jiem tat-tridu, u fuq kollox il-pontifikal solenni, li għalihom il-maqdes ‘omm’ il-parroċċi kollha tal-gżira tagħna kien maħnuq bin-nies. Iżda mhux b’inqas kienu ċ-ċelebrazzjonijiet esterni, li huma lkoll organizzati mis-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’. Nibdew mit-tiġrijiet tradizzjonali taż-żwiemel, fejn għal darb’oħra folol kbar ħanqu kull rokna ta’ Triq ir-Repubblika. Dan juri biċ-ċar li dawn it-tiġrijiet huma tassew l-aktar popolari f’Għawdex. Iva dan kien id-diskors ta’ dawk l-eluf ta’ Maltin li qassmu l-fliegu apposta, u mhux għax kienu bix-"shut down" biex isegwu dawn it-tiġrijiet, kif ukoll tas-sidien tal-ħwienet ta’ Triq ir-Repubblika li bil-kemm setgħu jlaħħqu bix-xogħol tagħhom. 

In-nies baqgħu magħna tul il-ġimgħa KOLLHA tal-festa. Rajtuhom ir-ritratti li ta’ kuljum konna nurukom fuq dan is-sit u fuq siti oħra marbuta mal-festi tagħna. F’dawn il-ġranet hawn min jiftaħar bil-folol “kbar” li kellu u fl-istess waqt joqgħod lura milli jippubblika ritratti tal-festi esterni KOLLHA. Rajtuhom ir-ritratti, fuq dan is-sit, fuq ir-rivista li tqassmet lill-parruċċani kollha, u llum biex żgur ħadd ma jinsa, u biex min irid jikkumpara, qed nerġgħu nurukom numru sabiħ ieħor ta’ ritratti li juru l-folol kbar li ħanqu beltna tul ġimgħa sħiħa ta’ festi. L-erba’ dimostrazzjonijiet grandjużi li kellna huma l-għira ta’ kulħadd, tant li hemm min ħaseb biex jimxi fuq l-istess passi tagħna, imma reġa’ waqa’ lura. 

Il-folol ġew bi ħġarhom f’kull jum tal-festa għax jafu li l-festa tagħna hija festa inklussiva. Tisma’ l-innu marċ ta’ Ciappara u tara anki Maltin u persuni oħra jingħaqdu magħna fil-kant ta’ “Ġorġi Tagħna min qatt bħalek”! Dawn huma festi li jagħtu spettaklu – spettaklu milħuq b’imħabba kbira li għandna lejn il-Patrun tagħna (li nuruha wkoll) – spettaklu li l-qofol tiegħu dejjem jintlaħaq fil-qalba tal-belt fejn b’xorti tajba jinsabu kemm il-maqdes tagħna, kif ukoll il-każin tas-Soċjetà ‘La Stella’. Araw fejn huma n-nies, araw il-briju mill-isbaħ li għamlu ż-żgħażagħ tagħna, araw kemm ngħożżuh lil ‘Ġorġi Tagħna’, u waħidkom taslu għall-konklużjoni li ġimgħa sħiħa ta’ festi kbar tarawhom biss darba fis-sena…f’nofs Lulju, fil-belt Għawdxija, fil-festi f’ġieħ il-Megalomartri San Ġorġ, il-patrun u protettur tagħna lkoll! 

23/08/2008