Join Us On:

News Archive

L-INFLUWENZA TA’ ZEFFIRELLI FL-OPRA ‘LA TRAVIATA’

L-influwenza ta’ Franco Zeffirelli, id-direttur tal-opra u l-films ta’ fama ċelebri dinjija, żgur li se tkun tinħass fil-produzzjoni tal-opra La Traviata li se ssir fit-Teatru Astra din il-ġimgħa. It-teatru Għawdxi, li issa kiseb isem rinomat fil-produzzjoni tal-opra tal-ogħla livell, se jkun qed itella’ produzzjoni ġdida ta’ din l-opra favorita ta’ ħafna, hekk kif irnexxielu jakkwista s-servizzi tad-direttur Taljan Marco Gandini li sa mill-1992 hu l-ispalla ewlenija tas-surmast Zeffirelli.

F’din l-aħħar sena minn kemm ilhom għaddejjin it-tħejjijiet għall-opra La Traviata, Marco Gandini rnexxielu jżur il-gżejjer Maltin kemm-il darba biex isegwi b’mod dirett il-preparamenti li ilhom għaddejjin ix-xhur fit-teatru Għawdxi mill-għadd ta’ voluntiera li s-sena kollha jaħdmu biex jaraw is-suċċess tad-dedikazzjoni tagħhom għall-mużika u l-opra b’mod partikolari f’dawn il-jiem t’Ottubru. La Traviata se tkun qed tittella’ darbtejn, il-Ħamis 28 u s-Sibt 30 t’Ottubru. 

Minkejja l-età mhux kbira tiegħu, Marco Gandini għandu esperjenza twila fil-qasam tad-direzzjoni tal-opra u ħadem fl-iktar teatri prestiġġjużi fl-Italja u f’pajjiżi differenti. Fost l-oħrajn, jispikka x-xogħol li hu għamel fit-Teatru alla Scala f’Milan, fit-Teatro dell’Opera f’Ruma, fit-Teatro San Carlo ta’ Napli, fit-Teatro Fenice ta’ Venezja u fl-Arena di Verona filwaqt li barra mill-Italja hu kien il-moħħ artistiku wara produzzjonijiet tal-opra fit-teatri Metropolitan ta’ New York, Royal Opera House f’Covent Garden f’Londra u fi New National Theatre ta’ Tokjo fost ħafna teatri oħra. 

F’din il-produzzjoni ta’ La Traviata Gandini għandu fost l-aqwa elementi ta’ talent lokali li se jkun qed jingħaqad ma’ talent barrani, uħud minnhom li se jkunu qed jaħdmu għall-ewwel darba f’pajjiżna. 

Is-sopran Għawdxija Miriam Cauchi se tkun qed tinterpreta l-parti prinċipali ta’ Violetta. L-udjenza li ssoltu tattendi għall-opra annwali mtella’ mit-Teatru Astra tiftakar l-interpretazzjoni impekkabbli ta’ Miriam Cauchi s-sena li għaddiet bħala Gilda fl-opra Rigoletto. Cauchi rnexxielha tikseb kritika pożittiva ħafna fis-snin preċedenti bil-kant u l-interpretazzjoni tagħha ta’ rwoli mportanti f’opri oħra mtella’ fit-Teatru Astra fosthom dak ta’ Liù fl-opra Turandot (2008) u rwoli prinċipali ta’ sopran fl-opri Suor Angelica u Pagliacci (2006). 

L-udjenza lokali se jkollha l-opportunità li tisma’ għall-ewwel darba l-vuċi meraviljuża tat-tenur Taljan Alessandro Liberatore li se jinġieb f’Malta għall-ewwel darba mit-Teatru Astra biex jinterpreta l-parti ta’ Alfredo. Liberatore, ta’ 31 sena, diġà rnexxielu jagħmel isem fit-teatri li kanta fihom, fl-Italja u barra mill-Italja, minn kemm ilu li beda l-karriera operistika tiegħu u kanta b’suċċess fost l-oħrajn f’kollaborazzjonijiet ma’ Luciano Pavarotti u fi produzzjoni ta’ Franco Zeffirelli. Minbarra opri ta’ Verdi, ir-repertorju tat-tenur Taljan jinkludi wkoll opri ta’ Mozart, Bellini, Puccini u opri Franċiżi.

Fuq il-palk tat-Teatru Astra se jingħaqad ukoll il-baritonu Taljan Marco Chingari li mhuwiex ġdid għall-udjenza lokali hekk kif ħafna huma dawk li jibqgħu jiftakru l-interpretazzjonijiet qawwija tiegħu ta’ Macbeth fl-opra li ġġib l-istess isem (2007), ta’ Scarpia f’Tosca (2004) u ta’ Iago f’Otello (2003). Din id-darba Chingari se jkanta l-parti ta’ Germont. 

Kantanti oħra se jkunu qed jingħaqdu mal-kast prinċipali jinkludu lil Georgina Gauci fil-parti ta’ Flora, Dorienne Portelli bħala Annina, Frans Mangion bħala Gaston, filwaqt li Joseph Lia jkanta l-parti ta’ Barone Douphol, Giampiero Cicino dik ta’ Marchese d’Obigny, Kenneth Scicluna fil-parti ta’ Dottore Grenvil, Mario Portelli jkanta l-parti ta’ Giuseppe, il-qaddej ta’ Violetta filwaqt li Armando Tomasello jkanta l-parti tal-Kummissarju. 

L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali se tkun immexxija mid-direttur mużikali ta’ Festival Mediterranea u surmast residenti fit-Teatru Astra, il-Prof. Joseph Vella filwaqt li l-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra, magħmul fil-parti l-kbira tiegħu minn elementi tal-kor Għawdxi Laudate Pueri flimkien ma’ membri mill-kor tat-Teatro dell’Opera ta’ Ruma u elementi oħra lokali, se jkun immexxi mid-direttriċi tal-kor Maria Frendo. 

Ix-xenarju nbena minn voluntieri oħra ta’ Teatru Astra mmexxija minn Carmel Zammit u minn Emanuel J Farrugia, fuq disinn tax-xenografu Mauro Tinti. L-artist xeniku li se jibdel l-istruttura f’xeni hu Joseph Cauchi. Il-kostumi qed jiġu ppreparati mill-kostumisti Luca Canfora, Emanuel Grima u George Farrugia filwaqt li bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti tal-korjografija ppreparata minn Felix Busuttil bis-sehem tal-Yada Dance Company u tal-Yada Dance Academy, Għawdex li tinsab fit-Teatru Astra. 

Għal sena oħra t-Teatru Astra qed jissussidja b’mod qawwi lil studenti żgħażagħ ta’ taħt il-25 sena biex jesperjenzaw is-sbuħija tal-opra lirika u jitgħallmu japprezzaw dan il-ġeneru artistiku. B’kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja, it-Teatru Astra qed jerġa’ jniedi skema li permezz tagħha studenti ta’ taħt il-25 sena jistgħu jakkwistaw biljett imraħħas ferm, minn €50 għal €10 għas-serata tal-Ħamis 28 t’Ottubu u kull adult li jixtri biljett magħhom igawdi minn roħs ta’ 20%. 

L-opra La Traviata tiftaħ id-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat mit-Teatru Astra li joffri għażla ta’ attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd, fosthom dawk li jiffukaw fuq il-mużika, iż-żfin, it-teatru, l-istorja u l-wirt storiku (bis-sehem tal-arkeologu Dr David Trump) kif ukoll l-artiġjanat, b’enfasi fuq il-produzzjoni tal-ikel u l-inbid lokali. Il-festival jibqa’ għaddej sat-28 ta’ Novembru. 

Iktar informazzjoni dwar La Traviata jew l-attivitajiet li se jsiru waqt Festival Mediterranea tista’ tinkiseb minn www.mediterranea.com.mt. Il-biljetti għall-attivitajiet jinkisbu permezz tat-telefon 21550985 jew 99883007 jew l-email [email protected]

La Traviata
u Festival Mediterranea qed jiġu organizzati minn voluntieri fi ħdan it-Teatru Astra b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Vodafone Malta Foundation, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.