L-EWWEL EDIZZJONI TA’ ROCKASTRA
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella ħabbret l-ewwel edizzjoni ta’ RockAstra, spettaklu muzikali se jittella’ mill-Banda La Stella flimkien ma’ numru ta’ artisti lokali fi Pjazza Indipendenza, ir-Rabat Għawdex, nhar is-Sibt 8 ta’ Ġunju. Dan ġie mħabbar f’konferenza għall-istampa nhar it-Tlieta 7 ta’ Mejju fl-uffiċċju tal-Ministeru tat-Turiżmu fil-Belt Valletta.
Dan il-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Sigmund Mifsud, personalità importanti fix-xena artistika u mużikali fejn stabbilixxa isem fl-oqsma ta’ kunċerti kbar. Is-Surmast Mifsud ġie ricentament maħtur bħala guest conductor tal-Banda La Stella.
Is-Sur Paul Zammit u is-Sur Michael Formosa, President u Segretarju Amministrativ tas-Soċjetà Filarmonika La Stella li indirizzaw l-konferernza stampa, sostnew li dan il-kunċert se jkun avveniment jipprometti ħafna fil-kalendarju kulturali tal-Banda La Stella u għalhekk is-Soċjetà ħa tkun qiegħda tinvesti bi sħiħ fih. Minbarra l-Banda La Stella, li se tkun qiegħda ddoqq l-biċċiet mużikali, se jkun hemm sezzjoni ritmika bis-sehem tad-drum kits u electric guitars sinonimi mal-mużika rock. Il-kunċert se jkun fih siltiet mir-repertorju ta’ The Beatles, Queen, Lucio Dalla u Zucchero, kif ukoll artisti lokali bħal Chris Grech, Petra Zammit, Morena u Pawlu Borg Bonaci.
Il-ġurnalisti kienu ndirizzati mill-Ministru għat-Turiżmu, il-Ministru għal Għawdex u s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, li lkoll qed jappoġġaw dan l-avveniment.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella ddeskriva din l-attività bħala okkażjoni oħra fejn tkompli tinxtered il-kultura mużikali mhux biss f’Malta imma wkoll f’Għawdex. Saħaq li avvenimenti bħal dawn hemm bżonnhom biex jgħinu lit-turiżmu intern bejn iż-żewġ gżejjer, fl-istess ħin li ħeġġeġ aktar soċjetajiet li jorganiżżaw attivitajiet simili li anke jservu ta’ attrazzjoni għat-turisti.
Karmenu Vella qal li wasal iż-żmien li pajjiżna jkollu kalendarju fiss t’attivitajiet kulturali li jkunu jistgħu jiġu reklamati minn qabel u li jkomplu jgħinu biex jinġiebu aktar turisti anke fix-xhur tax-xitwa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, L-Onor. Jose’ Herrera, li ukoll faħħar din l-inizzjattiva tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, żid li dan l-avveniment se jkun attrazzjoni oħra sinfikanti fil-kalendarju kulturali lokali b’ġeneru ġdid ta’mużika.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li hu konxju mill-potenzjal tas- Soċjetà Filarmonika La Stella u rrikonoxxa l-kontribut kbir u imporanti li s- Soċjetà La Stella qed tagħti lix-xena muzikali u artistika lokali, li għandu jagħmel lill-Għawdex kburi. Hu tenna li l-Ministeru għall-Għawdex ser ikompli joffri kull support sabiex proġetti bhal dawn jitwettqu, għaliex minbarra li dawn jagħmlu lil Għawdex attrazzjoni aktar sabiħa u interessanti ghat-turizmu intern u dak barrani, iservu ukoll ta’ xprun għall-ekonomija lokali.
Is-Surmast Sigmund Mifsud, id-direttur mużikali u artistiku ta’ dan il-kunċert, kien preżenti għall-konferenza, fejn spjega li huwa qed iħares b’ottimiżmu u entużjażmu kbir għal dan l-avveniment kbir f’Għawdex, u jinsab onorat li ġie maħtur guest conductor tal-Banda La Stella. Il-kunċert se jkollu fost l-aħjar elementi lokali u s-Surmast Mifsud sostna li l-organizzaturi qed jagħmlu minn kollox biex dan l-avveniment kbir ikun suċċess fil-kalendarju artistiku lokali.
Is-Sur Zammit stqarr li dan huwa żmien interessanti ħafna peress li evidenza storika ġdida dwar il-Banda tefgħet dawl ġdid fuq l-oriġini tagħha u bħalissa qed isir studju xjentifiku dwar dan.
M’hemmx dubju li RockAstra se jkun kunċert spettakolari ta’ mużika rock u kanzunetti u se jiġbed ħafna nies lejn il-qalba tar-Rabat Għawdex biex b’hekk ikun ta bidu mill-aħjar lill-istaġun tas-sajf. Dan l-ispettaklu huwa qed isir bil kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tat-Turiżmu, General Softdrinks Co. Ltd u Citadel Insurance plc. Id-dħul huwa b’xejn.