Join Us On:

News Archive

L-BANDA ĊITTADINA LA STELLA FIL-ĠIMGĦA MQADDSA

Il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa huma jiem ferm importanti għas-Soċjeta Filarmonika La Stella. Dan minhabba il-fatt li matul dawn il-ġranet tant għeżież is-Soċjeta Filarmonika La Stella b’ konnessjoni mal-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa tal-Bażilika ta’ San Ġorġ tkun impenjata b’ ħafna servizzi u attivitajiet li jġibu magħhom dawn l-akbar festi tal-Knisja Kattolika.

Din is-sena l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mil-Bażilika ta’ San Ġorġ ikun immissha toħroġ fil-ġurnata proprja tagħha iġiefiri nhar il-Ġimgħa l-Kbira, għalhekk l-Banda Ċittadina La Stella taħseb biex tirrekordja sett ġdid ta’ marċi funebri. Dan is-sett ġdid fuq CD huwa l-31 fis-sensiela li tinkludi wkoll dawk brijużi. Ic-CD jġib l-isem ta’ Misericordiae Vultus, u d-direzzjoni tiegħu kienet f’idejn il-Prof. Joseph Vella, Surmast Direttur tal-Banda Ċittadina La Stella. Dan ic-CD jinkludi marċ tal-Professur Vella, ta’ bandisti tagħna stess bħal George Camilleri, Mario Galea u George Borg, kif ukoll biċċiet importanti mil-arkivju tagħna, kompożizzjonijiet ta’ Orlando Crescimano, Joseph Abela Scolaro, Antonio Miruzzi, Abel J. Mizzi, Joseph Azzopardi, Giovanni Giumarra, Vincenzo Ciappara u Giuseppe Giardini Vella. Wieħed jista’ jakkwista dan ic-CD mil-bar tat-Teatru Astra għal donazzjoni ta’ €12 jew jibgħat e-mail fuq [email protected]

Appuntament li ta’ kull sena il-banda tagħna dejjem iżomm f’dawn iż-żminijiet hu l-kunċert ta’ mużika sagra ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ. Il-kunċert din is-sena li jġib l-isem ta’ ‘Mill-Mewt Għall-Qawmien’ ser jkun ser ikun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Noel Beck. F’dan il-kunċert ser jieħdu sehem ukoll il-Kor Laudate Pueri u l-kor tat-tfal Piccole Stelle. Il-kunċert hu skedat li jsir nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu, jibda fit-8.00 pm u d-dħul huwa b’xejn.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira imbagħad ikun imiss lil Banda Ċittadina La Stella biex takkumpanja l-eqdem purċissjoni tax-xorti tagħha ġewwa Għawdex (pre-1788). Il-purċissjoni antika u devota tibda ħierġa mill-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-5.30 p.m. u matulha l-Banda La Stella ddoqq sett ta’ marċi funebri popolari u oħrajn li jinsabu fl-album li nħareġ din is-sena.

L-aħħar appuntament għall-Banda La Stella f’dawn il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa ikun dak ta’ Nhar Ħadd il-Għid filgħodu fit-8.45am. Il-Banda La Stella takkumpanja proċessjonalment il-vara ta’ Kristu rxoxt bid-daqq tal-valzi li jagħmlu parti mir-repertorju vast ta’ marċi li għandha arkivjati is-Soċjeta Filarmonika La Stella.

Matul dawn iz-żminijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa ser tkun qed tiġi mtellgħa wirja bl-isem ta’ Mysterium Crucis, organizzata mil-Għaqda Armar San Ġorġ Martri. Fost l-affarijiet esebiti ser ikun hemm statwa life-size ta’ Kristu fic-Cenaklu.  Il-wirja ser tkun imtella’ ġewwa il-Każin tal-Banda La Stella u ser tkun miftuħa mill-Ġimgħa 18 ta’ Marzu u tagħlaq nhar il-Ġimgħa l-Kbira 25 ta’ Marzu.

12801528_1145017318855354_5092109057892269996_n 12744590_1142823639074722_1330988780861745552_n 12514072_1140023612709038_8785224672513250119_o